“Onorevoli Evarist Bartolo, mhux aħjar flok tkompli tobżoq l-odju tmur tagħmel xogħolok? Għaliex ma rreżenjajtx tlett snin ilu? La ma kontx qed taqbel, għalfejn ma kontx raġel u warrabt?”
Neville Gafa kien dirett fi kliemu fejn ħadha qatta’ bla ħabel kontra Evarist Bartolo. Dan fid-dawl li dal-aħħar jiem Bartolo qed ikun kritiku ferm għat-tmexxija tal-Gvern ta’ Joseph Muscat.
Neville Gafà ilu figura ċentrali fil-Partit Laburista, u huwa parti miċ-ċirku ta’ nies magħrufa li jkunu qrib ferm ta’ Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Gafà kien implikat fl-iskandlu tal-visas mediċi lil numru ta’ refuġjati Libjani fejn eventwalment kien tkeċċa mill-Ministeru tas-Saħħa.
Gafa kompla jfakkar li ma nesiex dak iż-żmien meta Bartolo kien attakk lill-Prim Ministru Joseph Muscat.
Neville Gafa temm il-post tiegħu fuq il-media soċjali billi ħareġ għonqu għal Keith Schembri – “U ħaġa oħra; qabel tkompli tiġġudika lis-Sur Schembri, nagħtik parir tqabbel il-kisbiet tiegħu għal ġid ta’ Malta, max-xogħol li wettaqt int.”
Neville Gafa huwa l-istess persuna li fl-aħħar jiem deher għal diversi drabi dieħel fir-residenza ta’ Keith Schembri. Dan hekk kif l-allegazzjonijiet serjissimi fil-konfront ta’ Schembri qed ikomplu jikbru, u fl-istess waqt li anke isem Neville Gafa’ qiegħed kontinwament taħt il-lenti – persuna li huwa viċin ferm Kenneth Camilleri, l-eks Pulizija u security ta’ Muscat illi allegatament kien jgħaddi informazzjoni lil Melvin Theuma rigward l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
//= $special ?>