Internazzjonali

New Zealand: L-iżbroff fatali tal-vulkan imfakkar b’minuta silenzju

It-Tmexxija u l-poplu fi New Zealand osservaw minuta silenzju b’rispett għall-vittmi li, eżattament ġimgħa qabel, mietu fl-żbroff qattiel tal-White Island volcano.

Il-ġest ta’ rispett – bis-sehem tal-Prim Ministru Jacinda Ardern u l-Viċi-Prim Ministru ta’ New Zealand Winston Peters – seħħ fil-mument eżatt tal-iżbroff u meta llum hemm ikkonfermati sittax-il mewta bħala kaġun, Dan meta t-tfittxija għadha għaddejja għal żewġ katavri oħra fuq il-gżira. Fil-preżent għad fadal għoxrin persuna l-isptar li qed ikunu trattati għall-ġrieħi serji li ġarrbu mill-ġmied tal-vulkan.

Il-qraba tal-vittmi tal-vulkan ukoll osservaw perjodu ta’ silenzju – f’dan il-każ fuq dgħajsa tal-pulizija li wasslithom qrib White Island. Intant, in-nies, f’diversi bnadi ta’ New Zealand waqfu bil-karozzi tagħhom biex jingħaqdu f’dik il-minuta tar-rispett.

Fl-aħħar sigħat, l-iskwadri nkarigati mit-tfittxija għall-katavri rritornaw fuq White Island ( magħruf ukoll bl-isem Whakaari) iżda, mill-ġdid, fallew milli jsibu l-aħħar katavri li għad fadal fuq il-gżira u l-madwar. It-tfittxija tinvolvi ħidma diffiċli iżda l-pulizija huma impenjati biex jikrupraw l-aħħar żewġ katavri, irrispettivament mill-intoppi.

L-effetti diżastrużi tal-iżbroff qed ikunu suġġetti għal investigazzjonijiet separati. Il-Prim Ministru Ardern qalet li l-Gvern ta’ New Zealand qed jistenna l-pariri dwar jekk hemmx bżonn ta’ (jerġa) aktar inkjesti. ‘Għad jonqos biex jingħataw it-tweġibiet għad-domandi li fadal ( b’konnessjoni mal-iżbroff u l-konsegwenzi)’ ikkonkludiet Ardern.