Lokali

Partijiet kbar ta’ Malta ġġammjati bit-traffiku

Partijiet kbar ta’ Malta jinsabu mwaħħla bit-traffiku, b’sewwieqa jispjegaw ma’ Net News li f’xi każi għaddew iktar minn siegħa u nofs biex jaslu għad-destinazzjoni tagħhom. Dan meta normalment l-istess vjaġġ jieħu inqas minn terz.

Fost l-agħar milquta l-inħawi tan-naħa t’isfel ta’ Malta, b’serbut twil ta’ karozzi li jifrex mill-inħawi taċ-Ċimiterju tal-Addolorata sal-bypass kollha tal-Imrieħel u saħansitra sal-Kappara, biswit il-Pixxina Nazzjonali.

Rapporti li waslu għand Net News jindikaw li anke t-toroq prinċipali tal-Imsida u Tal-Pietà jinsabu mblukkati, bi traffiku qawwi. L-istess il-bypass ta’ Birkirkara, in-niżla tal-iskatepark fid-direzzjoni tal-Imsida.

Dan ikkawża biex diversi lokalitajiet, fosthom Ħal Qormi u l-madwar, jinsabu kompletament iġġammjati.

Kelliem għall-Pulizija spjega magħna li ma kienu rrappurtati l-ebda inċidenti maġġuri u li allura l-ebda inċident mhu kawża ta’ dan it-traffiku.

Intant waqt li t-toroq Maltin mit-tramuntana san-nofsinhar tal-pajjiż jinsabu blukkati bi traffiku liema bħalu, l-Ministru għat-Trasport Ian Borg flimkien ma’ “sħabu” marru ikla sa Smart City.

Jispikka li fil-klikka tal-ħbieb hemm neqsin fost oħrajn il-Ministru Edward Scicluna u l-Ministru Evarist Bartolo.

Ritratt: Maltese Roads Traffic Updates / Facebook