Internazzjonali

Renju Unit: Ippjanat vot dwar l-abbozz ta’ Boris Johnson għall-Brexit — u li mistenni jsir nhar il-Ġimgħa

Il-Gvern tar-Renju Unit qed jippjana li jitlob lid-deputati fil-House of Commons biex, nhar il-Ġimgħa, jivvutaw dwar l-abbozz għall-Brexit tal-Prim Ministru, Boris Johnson.

Il-kelliema fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Downing Street ( Londra) sostnew li l-Gvern qed jaħseb biex (fil-Parlament) jibda l-proċess għall-ħruġ mill-Unjoni Ewropea qabel il-Milied u li dan se jsir ‘fost diskussjonijiet mal-Ispeaker tal-Kamra’. L-Ispeaker, Lindsay Hoyle — li kien elett għar-rwol matul ix-xahar li għadda – hu inkarigat mill-proċeduri fil-House of Commons

L-abbozz – magħruf bħala l-withdrawal agreement bill – hu l-leġislazzjoni li se tippermetti l-Brexit. Dan meta r-Renju Unit għandu jħalli l-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Jannar li ġej u meta, din id-darba, mhumiex mistennija l-intoppi peress li Johnson għandu maġġoranza kbira biżżejjed biex jgħaddi l-leġislazzjoni relatata mill-House of Commons.

‘Il quddiem, Johnson irid jinnegozja ftehim kummerċjali ġdid mal-Unjoni Ewropea, b’dan irid ikun ratifikat qabel jintemm il-perjodu tat-tranżizzjoni ‘ta’ wara l-Brexit’ f’Diċembru tas-sena d-dieħla. Dan meta l-Prim Ministru Britanniku tenna kemm-il darba li l-perjodu tat-tranżizzjoni mgħandux ikun estiż.

Intant, ir-Reġina Eliżabetta, nhar il-Ħamis, għandha tiftaħ formalment il-Parlament meta tfassal il-programm leġislattiv tal-Gvern.

Il-Prim Ministru Johnson anki ta l-permess biex ikun pubblikat rapport mill-Parlament dwar allegat indħil mir-Russja fid-demokrazija tar-Renju Unit. Qed jingħad, sadanittant, li r-rapport kien ‘ikkunsidrat b’attenzjoni kbira’ minn Boris Johnson.