Lokali

Solvut il-misteru dwar splużjoni qawwija li nstemgħet fl-inħawi ta’ Ħad-Dingli

Splużjoni qawwija li t-Tnejn wara nofsinhar ħasdet lir-residenti Dingli, u heżżet id-djar tagħhom, kienet ġejja minn barriera.

Filfatt jirriżulta li fl-istess ħin li saru r-rapporti dwar din l-isplużjoni, f’barriera fuq l-irdum, f’parti li tagħmel mas-Siġġiewi, saret splużjoni kontrollata bl-użu tal-ġelatina.

Dan seħħ hekk kif passaġġ bejn żewġ partijiet tal-barriera, li minn fuqu kienu jgħaddu t-trakkijiet, kien waqa’.
Għal din ir-raġuni, din l-entratura tal-barriera kien ilha għall-aħħar xhur magħluqa. B’partijiet oħra li setgħu ikomplu jiġġarrfu, is-sidien tal-barriera wettqu splużjoni kkontrollata.

Net News tkellem mal-Pulizija u l-Forzi Armati ta’ Malta li wkoll ikkonfermaw li waslu għandhom rapporti minn residenti li kienu nkwetati wara din l-isplużjoni iżda qalulna li ma ntalbitx l-assistenza tagħhom.

Saħansitra waslulna rapporti ta persuni li ħarġu barra mid-dar hekk kif ħasbu li kienet qed tiġri xi ħaġa serja. Uħud fakkru f’episodju simili fl-2011, liema ħoss ta’ splużjoni għadu sa llum il-ġurnata misteru.

Sadattant ġew miċħuda rapporti li dan seta’ kien xi effett speċjali relatat ma’ film li qed jinġibed f’pajjiżna. Dan hekk kif il-lokazzjoni tal-film inbidlet u x-xeni li kellhom jinġibdu qrib il-Buskett huma lesti.