Lokali

484 mistoqsija parlamentari mhux imwieġba

484 mistoqsija parlamentari li saru f’din il-leġiżlatura għadhom mhux imwieġba. Dan ħareġ minn mistoqsija parlamentari li għamel lill-ispeaker id-deputat tal-Oppożizzjoni Chris Said.

Fil-mistoqsija tiegħu d-deputat Chris Said staqsa lil-ispeaker Anglu Farrugia kemm hemm mistoqsijiet parlamentari li sa llum għadhom mhux imwieġba jew li r-risposta għalihom kienet dik li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Id-domanda kienet tinkludi wkoll kemm mill-484 mistoqsija mhux imwieġba huma pendenti minn kull Ministeru.

Mit-tweġiba tal-ispeaker ħareġ li l-aktar Ministeru li ma rrispondix mistoqsijiet kien dak għall-Ġustizzja, l-Kultura u Gvern Lokali, li hu f’idejn il-Ministru Owen Bonnici, b’91 mistoqsija mhux imwieġba.

Isegwi warajh hemm il-Ministeru tal-Familja, d-Drittijiet tat-tfal u s-Solidarjeta Socjali li jaqa’ taħt ir-responsabilita’ ta-Ministru Michael Falzon, b’77 mistoqsija paramentari mhux imwieġba.

Mit-tweġiba li ngħata d-deputat Chris Said għal-mistoqsija tiegħu lill-ispeaker, ħareġ kif l-uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Ministeru għal Għawdex, il-Ministeru tal-Intern, il-Ministeru tat-trasport u l-Ministeru għall-Ambjent wkoll huma fost l-aktar Ministeri li għandhom Mistoqsijiet mhux imwieġba jew pendenti.