Futbol Sport

Ancelotti mistenni jinħatar manager ta’ Everton din il-ġimgħa

(Ritratt: EPA)

Ancelotti hu mistenni li jkun konfermat manager ta’ Everton sa tmiem din il-ġimgħa, It-Taljan kien offrut kuntratt ta’ erba’ snin u nofs u skont rapporti fl-Italja, mistenni jmexxi lit-tim għall-ewwel darba kontra Burnley f’Boxing Day. Hu mistenni jkun assistit minn ibnu Davide Ancelotti u Duncan Ferguson, il-persuna li mexxa lil Everton fl-aħħar żewġ logħbiet. Ferguson se jmexxi lil Everton għall-konfront li għandhom għada kontra Leicester mil-League Cup.

Il-media Taljana qed tgħid li Ancelotti se jmur Napli biex itemm il-kuntratt li għandu mal-klabb Naplitan u probabbilment jinħall mill-kuntratt illum. Il-kowċ veteran sar il-favorit ta’ sid il-klabb Farhad Moshiri wara li tkeċċa minn kowċ ta’ Napoli l-ġimgħa l-oħra.

Ancelotti beda l-karriera ta’ kowċ ma’ Reggiana fl-istaġun 1995/96 u kellu esperjenzi ma’ Parma, Juventus u Milan. Fl-2009, Ancelotti ngħaqad ma’ Chelsea fil-Premier League u f’żewġ staġuni rebaħ il-kampjonat, l-FA Cup u l-Community Shield. Hu kellu wkoll esperjenzi ma’ PSG, Real Madrid u Bayern Munich qabel irritorna fl-Italja ma’ Napoli.