Lokali

Arrestat raġel l-għada ta’ żewġ serqiet f’Ta’ Xbiex

Il-Pulizija arrestat raġel wara żewġ serqiet li saru fl-istess triq f’temp ta’ ftit aktar minn siegħa. Dan wara investigazzjonijiet mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet u l-Pulizija tad-Distrett.

Kien għall-ħabta tat-7:50 tat-Tlieta filgħodu x’ħin il-Pulizija kienet infurmata li seħħet serqa minn ħanut fi Triq Abate Rigord, f’Ta’ Xbiex.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li raġel mgħammad u armat b’arma bil-ponta u li taqta’, daħal fi-ħanut u talab lill-kaxxiera għal-flus. Il-kaxxiera hi mara ta’ 43 sena, residenti l-Belt Valletta. Dak il-ħin fil-ħanut kien hemm persuni oħra iżda fortunatament ħadd ma weġġa’.

Ir-raġel ħarab minn fuq il-post b’ammont ta’ flus kontanti.

Ftit tal-minuti wara għall-ħabta tad-9:00am mara ta’ 35 sena, residenti Raħal Ġdid, daħlet tirrapporta fl-Għassa tal-Imsida, li waqt li kienet miexja fi Triq Abate Rigord, f’Ta’ Xbiex, għall-ħabta tas-7:30am, waqfuha żewġt irġiel mgħammdin u ppruvaw jisirqulha l-handbag.

Jirriżulta li waqt li l-vittma bdiet tgħajjat għall-għajnuna, wieħed mill-agressuri beda jtiha f’wiċċha. Huma ħarbu minn fuq il-post hekk kif persuna i kienet għaddejja fit-triq marret biex tgħin lil din il-mara. L-aggressuri ma rnexxihomx jisirqu l-baskett tal-mara.

Il-vittma marret għall-kura fiċ-Ċentru tas-Saħħa għal ġrieħi li sofriet f’wiċċha.

Il-Pulizija ma ppreċiżatx jekk ir-raġel li ġie arrestat hux ikun investigat b’rabta maż-żewġ serqiet inkella ma’ każ wieħed.