Futbol Sport

Aston Villa fis-semifinali tal-League Cup b’rebħa kbira fuq iż-żgħażagħ ta’ Liverpool

(Ritratt: EPA)

Aston Villa hu l-ewwel tim li għadda għas-semifinali tal-League Cup b’rebħa kbira ta’ 5-0 kontra Liverpool f’Villa Park. Din kienet l-ewwel darba mill-istaġun 2012/13 li Aston Villa jinsabu mal-aħħar erbgħa tal-kompetizzjoni. Minkejja li r-riżultat finali hu ċar, wieħed ma jistax ineħħi l-fatt li Liverpool ma kinux bit-tim tas-soltu minħabba li t-tim immexxi minn Jurgen Klopp se jilgħab is-semifinali tat-Tazza tad-Dinja għada.

Fil-fatt, l-istess Klopp ma kienx preżenti u Liverpool lagħbu bl-iżgħar formazzjoni fl-istorja tagħhom hekk kif il-plejers li bdew il-logħba kollha għandhom bejn is-16 u t-22 sena, bl-età medja kienet ta’ 19-il sena u 182 ġurnata. Din kienet l-ewwel telfa għal Liverpool f’logħba kompetittiva minn meta ġew megħluba minn Napoli fil-UEFA Champions League f’Settembru li għadda. Għalkemm sofrew erba’ gowls għall-ewwel darba minn Mejju tal-2015, iż-żgħażagħ ta’ Liverpool pruvaw ukoll jilagħbu l-ballun.

Aston Villa fetħu l-iskor wara 14-il minuta bi free-kick ta’ Conor Hourihane. Tliet minuti wara l-iskor sar 2-0 meta kross ta’ Ahmed Elmohamady ġie mxellef minn Morgan Boyes u baqa’ dieħel fix-xibka. Jonathan Kodjia skorja t-tielet gowl fis-37 minuta u qabel tmiem l-ewwel taqsima, l-istess għamel l-iskor 4-0 b’konklużjoni oħra mill-viċin. Wesley ssiġilla r-rebħa għal Aston Villa fit-92 minuta b’konklużjoni fir-rokna ta’ isfel.