Lokali

“B’responsabbiltà qed nippubblika r-rapport dwar Egrant” – Adrian Delia

"Neqirdu l-korruzzjoni billi noħorġu l-fatti"

Aqra r-rapport sħiħ hawn

Ir-rapport sħiħ ‘EGRANT INC’ juri biċ-ċar li hemm każijiet fejn l-awtoritajiet kellhom jieħdu passi. Minflok naqsu minn dmirijiethom u baqgħu ma ħadux il-passi skont il-liġi. Dan ifisser li Joseph Muscat, Owen Bonnici u l-Avukat Ġenerali ilhom tmintax-il xahar sħaħ jafu li kien hemm passi x’jittieħdu u investigazzjonijiet xi jsiru, u baqgħu m’għamlu xejn bil-konsegwenza li evidenza importanti setgħet ġiet moħbija biex il-verità tibqa’ mistura. Ilum nafu għaliex Joseph Muscat baqa’ jkaxkar saqajh u jaħbi r-rapport sħiħ mill-poplu.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, f’konferenza tal-aħbarijiet li sejjaħ it-Tlieta waranofsinhar.

Adrian Delia qal li hekk kif il-Gvern ippubblika ftit paġni bil-konklużjonijiet, huwa kien aċċetta mill-ewwel il-konklużjonijiet, iżda qatt ma kien aċċettabbli li r-rapport sħiħ ikun f’idejn Joseph Muscat u sħabu Ministri u uffiċjali f’Kastilja, filwaqt li jibqa’ moħbi għall-Oppożizzjoni u għall-poplu. Għalina, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, dan kien punt ta’ prinċipju importanti li jolqot drittijiet fundamentali bi ħsara għat-trasparenza u kontabbiltà pubblika. Il-Qorti Kostituzzjonali tagħtna raġun sħiħ.

Fil-21 ta’ Lulju 2018, l-Imħallef, dak iż-żmien Maġistrat, Aaron Bugeja kkonkluda l-inkjesta mmexxija minnu u ppreżenta l-proċess verbal, ir-rapport intitolat ‘EGRANT INC’. Dan ir-rapport ingħata lill-Avukat Ġenerali li min-naħa tiegħu għaddieh lill-Prim Ministru Joseph Muscat. L-Avukat Ġenerali ammetta wkoll li ta kopja lill-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici li kien qiegħed jassisti lill-Prim Ministru fl-analiżi tal-inkjesta. F’Novembru tas-sena l-oħra, ġie żvelat fil-Qorti li Kurt Farrugia, l-Kap tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru kellu kopja ta’ din l-inkjesta. Adrian Delia fakkar ukoll fil-5 ta’ Lulju ta’ din is-sena, l-Qorti kienet uriet tħassib serju għall-fatt li tliet ministri tal-Gvern kellhom aċċess għal partijiet tal-inkjesta li ma kienux ippubblikati.

Il-Prim Ministru, minkejja li l-ewwel wiegħed li kien se jippubblika r-rapport sħiħ, inħeba wara parir tal-Avukat Ġenerali u ma ppubblikahx. Ippubblika biss silta mill-konklużjonijiet. Fid-9 ta’ Settembru 2018, kien tħabbar li l-Prim Ministru kien qabbad lill-avukat tiegħu Pawlu Lia biex jiddeċiedi liema partijiet mir-rapport jistgħu jiġu ppubblikati. Minkejja dan, ir-rapport baqa’ ma giex ppubblikat.

Ilbieraħ il-Prim Ministru qal li l-istess inkarigu li kien ingħata lil Pawlu Lia issa ngħata lill-eks Imħallef Antonio Mizzi u cioè li jdur ir-rapport u jara liema siltiet tiegħu jistgħu jew għandhom jiġu ppubblikati. Il-konklużjoni ta’ dan kollu hija waħda: wara tmintax-il xahar minn mindu tlesta r-rapport, u minkejja l-wegħdi li saru mill-Prim Ministru u anke mill-Ministru tal-Ġustizzja li dan ir-rapport se jiġi ppubblikat, dan ir-rapport baqa’ mistur.

Ilbieraħ ir-rapport ma baqax f’idejn il-Gvern. Il-Qorti Kostituzzjonali, fid-deċiżjoni tagħha tal-bieraħ ikkonkludiet li l-Avukat Ġenerali id-drittijiet fundamentali ta’ Adrian Delia meta għażel li ma jgħaddix kopja tar-rapport lilu fil-funzjoni tiegħu ta’ Kap tal-Oppożizzjoni. Il-Qorti wkoll tefgħet ir-responsabbiltà fuq Adrian Delia li fl-użu li jagħmel mir-rapport jimxi ‘b’sens ta’ responsabbiltà’ u jinqegħda bih għal li skop tal-qadi ta’ dmirijietu.

Bħala Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li jrid ipoġġi f’keffa kull kunsiderazzjoni li jista’ jkun hemm biex ir-rapport intier ma jiġix ppubblikat kontra x-xewqa tal-poplu, f’dan il-mument delikat, li jkun jaf il-verità kollha dwar dak li qiegħed jiġri f’pajjiżna. Adrian Delia qal li jrid juża l-ġudizzju tiegħi, kif mitlub mill-Qorti b’sens ta’ responsabbiltà kbira. Il-Kap tal-Oppożizzjoni talab pariri legali biex jara hemmx impediment legali li jżommu milli jippubblika dan ir-rapport. Il-parir li ngħata huwa li m’hemmx. Talab ukoll li ssir analiżi tar-rapport innifsu. Adrian Delia qal li fl-opinjoni tiegħu irridu nagħżlu: jew li r-rapport ma jiġix ppubblikat jew li jiġi ppubblikat sħiħ. It-tielet triq li jiġi ppubblikat siltiet minnu mhix aċċettabbli.

Kull ċensura fil-pubblikazzjoni, anke jekk motivata b’intenzjonijiet tajbin, mhux aċċettabbli f’dan il-mument diffiċli li għaddej minnu pajjiżna. Adrian Delia qal li ddiskuta ukoll mal-Grupp Parlamentari u kien hemm qbil fuq il-prinċipju li r-rapport għandu jiġi ppubblikat minnufih u b’mod sħiħ. Hu ppreċiża li l-Grupp Parlamentari wasal għal din id-deċiżjoni mingħajr ma kien ra r-rapport. Il-Grupp Parlamentari ħass li l-ewwel u l-iktar kunsiderazzjoni importanti trid tkun li toħroġ il-verità kollha. Bil-pariri legali li għandu, bil-komfort tad-deċiżjoni tal-Grupp Parlamentari u bl-analiżi li għandu, li saret mill-esperti li qabbadt, Adrian Delia ddeċieda li jippubblika dan ir-rapport tal-inkjesta fl-intier tiegħu.

Hu qal li seta’ llum jagħmel dak li għamel il-Prim Minisru tmintax-il xahar ilu u jkun selettiv fil-partijiet li jippubblika jew jikkwota. Jista’ jipprova jieħu vantaġġ politiku billi jipponta lejn siltiet mir-rapport. Adrian Delia qal li mhux se jaqa’ għal din it-tentazzjoni. Hu qal li jħoss li għandu jkun il-poplu li jagħmel l-analiżi tiegħu dwar dan ir-rapport u jasal hu għall-konklużjonijiet tiegħu. Illum nistghu nikkonfermaw li hemm diversi konklużjonijiet politiċi li joħorġu minn dan ir-rapport. Adrian Delia qali li jħossu ddiżgustat bil-fatt li joħorġu fatti ġodda minn dan ir-rapport, fatti li l-Prim Ministru u l-Avukat Ġenerali ilhom jafu bihom mill-mument li rċevew dan ir-rapport, fatti possibbilment kriminali li jinvolvu nies li kellhom uffiċċju f’Kastilja.

Minkejja dawn il-fatti, dawn il-persuni baqgħu għal xhur sħaħ igawdu l-pożizzjoni tagħhom b’impunità assoluta. Din kienet il-vera raġuni li wasslet biex ir-rapport jibqa’ mistur għal tmintax-il xahar. Il-korruzzjoni tikber fis-silenzju. Tikber fid-dlam u taħt l-umbrella tal-ħabi. Jekk irridu neqirdu l-korruzzjoni istituzzjonalizzata, jekk irridu nkisru l-klikka korrotta li ħakmet lil pajjiżna, hemm bżonn li noħorġu l-fatti, xejn ħlief il-fatti u l-fatti kollha fil-beraħ. Adrian Delia qal li hekk qiegħed jagħmel illum b’responsabbiltà kbira, għaldaqstant qed jippubblika ir-rapport fl-intier tiegħu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan kollu jkompli jżid fina r-rieda li naħdmu ma’ kulħadd sabiex indaħħlu t-tibdiliet kollha li hemm bżonn biex it-tmexxija ta’ pajjiżna tkun waħda li twettaq il-ġustizzja u d-demorkazija. Irridu istituzzjonijiet li jservu biss lill-poplu. Irridu li Malta tikseb lura r-rispett u l-ġieħ kollu li jixirqilha.