Lokali

Bżonn ta’ tindifa mill-qiegħ

Hemm bżonn ta’ tindifa sistematika fl-istrutturi u l-uffiċċji li kienu b’xi mod jew ieħor implikati fil-korruzzjoni. Kull kuntratt pubbliku li ġie nnegozjat minn persuni implikata f’dawn l-allegazzjonijiet għandhom bżonn jiġu investigati sabiex ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna tkun protetta.

Appell dirett magħmul mill-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem – il-Kamra tal-Kummerċ, il-Malta Employers Association, il-GRTU u l-MHRA – meta fi tmiem il-ġimgħa ippreżentaw Charter għall-Governanza Tajba lill-President ta’ Malta George Vella.

L-Organizzazzjonijiet saħqu li hemm bżonn li tinstab soluzzjoni imminenti bil-għan li tinstab stabbilita’ u terġa’ tirrenja l-fiduċja fost iċ-ċittadini u n-negozji.

Huma ikkundannaw kull prassi korrotta, attivita’ kriminali u r-regħba għall-flus li ħakmet lil xi wħud li kellhom jew għandhom posthom fil-poter. Ikkundannaw ukoll lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor qed jostakolaw il-proċess tal-ġustizzja jew saħansitra idewwmuha apposta, u dawk li farfru jew beżgħu mill-jerfgħu ir-responsabbilta’ politika.

L-Organizzazzjonijiet saħqu li kull allegazzjoni għandha tiġi investigata bir-reqqa mingħajr biża jew favuri u kull min jinstab ħati ta’ korruzzjoni għandu jiġi mġiegħel irodd il-flus  lura lil Malta.

Huma tennew li din it-tindifa hi meħtieġa sabiex il-pilastri tal-governanza tajba jerġgħu ikunu fdati wara li fl-aħħar ġimgħat ġew imkasbra, bit-trasparenza u l-kontabilita’ ikunu essenzjali biex ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna jerġa’ jkollha stabbilita’.

Dwar is-sitwazzjoni preżenti esprima tħassib anki l-Bank Ċentrali fejn filwaqt li jistenna li t‑tkabbir ekonomiku jibqa’ mgħaġġel matul is‑snin li ġejjin u jkun f’medja ta’ 4.1% bejn l‑2019 u l‑2022, ir-realta’ tal-kriżi politika preżenti qed tħalli l-effetti tagħha.

Fir-rapport jingħad b’mod ċar li “l‑eskalazzjoni riċenti tal‑inċertezza politika domestika x’aktarx se twassal għall‑posponiment fil‑konsum privat u l‑investiment”. Dan meta wieħed iħares lejn l-effetti immedjati ta’ din il-kriżi.