Internazzjonali

Estonja: Apoloġija lill-Prim Ministru tal-Finlandja

Il-President tal-Estonja, Kersti Kaljulaid, talbet apoloġija wara li l-Ministru għall-Intern f’Tallinn irrefera għall-Prim Ministru ġdid tal-Finlandja, Sanna Marin, bħala ‘sales girl’.

Kaljulaid qalet li ħassitha ‘embarazzata’ bil-kummenti tal-Ministru Mart Helme, li jmexxi lill-Partit populista Ekre, tal-lemin estrem.

Sanna Marin, li għandha 34 sena, hi l-iżgħar Prim Ministru fid-dinja minbarra li ‘l-aktar wiċċ ġdid interessanti’ fil-politika internazzjonali. Hi qed tmexxi koalizzjoni taċ-ċentru-xellug li tinkludi erba’ partiti oħra li kollha huma mmexxija min-nisa.

Intant, Helme ħareġ bir-rimarki kontroversjali waqt programm tar-radju tal-partit tiegħu u li fih irrimarka ‘kif sales girl irnexxielha tilħaq Prim Ministru ta’ pajjiż’. Helme anki rrefera għal ‘attivisti tat-toroq u persuni mingħajr edukazzjoni li wkoll irnexxielhom isibu post fil-Kabinett (tal-Finlandja).’

Sadanittant, Marin – li kienet taħdem bħala sales assistant qabel attendiet l-università u qabdet karriera politika – wieġbet, fuq Twitter, li ‘tħossa kburija ħafna bil-Finlandja fejn tifla li tkun ġejja minn familja fqira kapaċi tikseb edukazzjoni tajba u tilħaq diversi tragwardi pożittivi f’ħajjitha’.

Aktar tard, Mart Helme qal li l-kummenti tiegħu ‘inftiehmu ħażin’ waqt li offra apoloġija lill-Prim Ministru tal-Finlandja. Madankollu, il-partiti tal-Oppożizzjoni fl-Estonja ħeġġew għar-riżenja ta’ Helme, jew biex hu jisfa imkeċċi mill-Prim Ministru tal-Estonja, Juri Ratas.

Dan meta l-President Kaljulaid ikkuntattjat lill-President tal-Finlandja, Sauli Niinisto, fejn talbitu biex iwasslilha ‘ukoll’ l-apoloġija lil Sanna Marin u l-membri tal-Gvern f’Helsinki.