Futbol Sport

Flamengo fil-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-klabbs b’rebħa kontra Al Hilal

(Ritratt: EPA)

Il-klabb Brażiljan Flamengo dawwar telfa f’rebħa biex għeleb lit-tim mill-Arabja Sawdija Al Hilal 3-1 u b’hekk se jikkontesta l-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-klabbs. Huma jilagħbu kontra Liverpool jew Monterrey fil-finali tas-Sibt li ġej.

Salem Al Dawsari ta vantaġġ bikri lil Al Hilal wara 18-il minuta qabel il-plejer Urugwajan Giorgian de Arrascaeta ġab id-draw ftit minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima. Bruno Henrique poġġa lir-rebbieħa tal-Copa Libertadores fil-vantaġġ fit-78 minuta qabel awto-gowl ta’ Ali Albulayhi erba’ minuti wara. Al Hilal saħansitra spiċċaw il-logħba b’għaxar plejers wara li tkeċċa Andre Carrillo minuta wara.

Esperance jtemmu fil-ħames post

Hamdou Elhouni skorja tripletta hekk kif it-tim Tuneżin Esperance spiċċa fil-ħames post b’rebħa ta’ 6-2 fuq Al Sadd tal-Qatar. Elhouni fetaħ l-iskor mill-viċin wara sitt minuti qabel Anice Badri rdoppja fit-13-il minuta.
Bit-tripletta li skorja, Elhouni hu r-raba’ plejer li skorja tliet gowls f’logħba fit-Tazza tad-Dinja, wara Luis Suarez fl-2015, Cristiano Ronaldo fl-2016 u Gareth Bale s-sena l-oħra.

Al Sadd kellhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas wara li tkeċċa Abdelkarim Hassan fl-24 minuta minħabba li waqqaf il-ballun b’idu fil-kaxxa. Mill-11-il metru Badri bagħat lill-gowlkiper in-naħa l-oħra tal-ballun.

Baghdad Bounedjah naqqas id-distak fit-32 minuta minn penalty madankollu kien Hamdou El Houni li għamel l-iskor 41 fit-42 minuta. Hassan Al Haidos reġa’ daħħal lil Al Sadd fil-logħba b’penalty ieħor erba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima. Hamdou El Houni għalaq il-logħba fl-74 minuta qabel id-difensur Sameh Derbali skorja s-sitt gowl fis-87 minuta.