Internazzjonali

Franza: Tkompli t-tensjoni dwar riformi fil-pensjonijiet

Qed tikber il-pressjoni fuq il-President Franċiż, Emmanuel Macron, fost it-tensjoni dwar il-pjani tal-Gvern biex isiru r-riformi fis-sistema tal-pensjonijiet. Il-pjani fost oħrajn, irriżultaw fi strajk li qed jipparalizza lill-qasam tat-trasport u meta  għexieren ta’ eluf ta’ dimostranti qed joħorġu mill-ġdid fit-toroq biex jesprimu l-għadab dwar is-sitwazzjoni.

Intant, l-uffiċjali tal-Gvern baqgħu jinsistu li mhumiex se jċedu għad-domandi tal-unions biex jitwarrab il-pjan għar-riformi. Dan meta t-tensjoni rrankat eżattament qabel il-btajjel tal-Milied u wara li Paul Delevoye, l-ogħla uffiċjal inkarigat mir-riformi tal-pensjonijiet, kien imġiegħel jirriżenja, nhar it-Tnejn,wara li naqas li jirrapporta ‘dħul addizzjonali’ minn diversi xogħlijiet li kien baqa’ jżomm wara li ssieħeb mal-Gvern.

Il-unions Franċiżi ilhom fuq strajk mill-5 ta’ Diċembru bħala l-akbar wirja ta’ saħħa għal snin. Il-membri tal-unions qegħdin jipprotestaw kontra l-pjani għal sistema unika tal-pensjonijiet li, awtomatikament, telimina 42 skemi separati li joffru rtirar kmieni mix-xogħol u benefiċċji oħra – fil-parti kbira għall-ħaddiema fis-settur pubbliku.

Il-kritiċi qed jgħidu li l-bidla fis-sistema tal-pensjoni għandha ġġiegħel miljuni ta’ nies jaħdmu għal aktar snin ladarba jagħlqu t-62 sena u li hi l-età uffiċjali għall-irtirar. L-età tal-irtirar stabbilita fi Franza hi fost l-aktar baxxi fl-Ewropa.