Sport Sport Ieħor

Iannone jinstab pożittiv għad-doping

Is-sewwieq ta’ Aprilia Andrea Iannone ġie sospiż proviżorjament wara li l-FIM ħabbret li hu nstab pożittiv għal anabolic steroid, jiġifieri sustanza li fosthom ikollhom effetti fit-testosterone. Bħalissa hu jinsab f’nofs il-kuntratt ma’ Aprilia. Fil-passat hu kien ma’ Pramac li hu tim proprjetà ta’ Ducati kif ukoll ma’ Suzuki, f’karriera fil-Moto GP twila seba’ snin.

L-eżami sar fit-3 ta’ Novembru f’Sepang waqt il-Grand Prix tal-Malasja. Fl-istqarrija tal-FIM, intqal li Iannone għandu d-dritt li jitlob u jattendi għall-analiżi tal-kampjun B. Iannone jrid juri li għandu każ b’saħħtu li ma juri l-ebda ħtija jew negliġenza kif ukoll li jeżistu xi fatti oħra li jagħmlu l-każ inġust.

Iannone li ngħaqad ma’ Aprilia flok Scott Redding, sabha diffiċli biex jikseb l-istess riżultati ta’ Aleix Espargaro għal ħafna mill-istaġun, għalkemm dan id-distakk ingħalaq ftit lejn tmiem l-istaġun. Hu kiseb 43 punt fl-istaġun, 20 punt anqas mill-Ispanjol.

F’reazzjoni għal din l-aħbar, Iannone qal li jinsab trankwill u żied li jinsab disponibbli għal kull analiżi li tista’ ssir kontriha, anki għaliex sostna li ma rċieva l-ebda komunikazzjoni uffiċjali. Iannone saħaq li fl-aħħar snin dejjem mar għall-kontrolli tad-doping u minħabba l-fatt li r-riżultat kien dejjem negattiv, għandu fiduċja fil-konklużjoni pożittiva.

Tags