Futbol Sport

Il-FIFA bi proċeduri legali kontra Blatter u Platini

(Ritratt: EPA)

Il-FIFA se tibda proceduri legali kontra l-eks President Sepp Blatter u Michel Platini fi sforz biex tirkupra €2 miljuni mħallsa lil Platini fl-2011. Fi stqarrija, il-FIFA kkonfermat li fetħet kawża fil-qrati Żvizzeri kontra ż-żewġ uffiċjali biex iroddu lura €2 miljuni li tħallsu bla bżonn lil Platini lura fi Frar 2011.

Il-Kumitat ta’ Governanza tal-FIFA għadda riżoluzzjoni x-xahar li għadda li l-organizzazzjoni għandha ssegwi l-irkuprar tal-fondi, li għadhom ma tħallsux lura. Il-Bord tal-Etika kien issospenda lil Blatter u Platini għal tmien snin imnaqqsa fl-appell għal sitta u erba’ snin rispettivament.

Blatter, mexxa l-FIFA għal 17-il sena qabel ma rriżenja jiem wara li ġie elett mill-ġdid f’Mejju tal-2015 u Platini issemma li kien ser jeħodlu postu. Il-ħlas li jrid jingħata lura huwa għal xogħol li Platini wettaq għal Blatter bejn l-1998 u l-2002. Il-Kumitat tal-Etika tal-FIFA ċaħad dan l-argument u qal li din kienet deċiżjoni kkonfermata mill-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport (CAS) immexxija minn tliet imħallfin.

Platini, li serva bħala President tal-UEFA mill-2007 sal-2015, jista’ jerġa’ jaħdem fl-isport wara li l-projbizzjoni tiegħu skadiet f’Ottubru madankollu l-ewwel irid iħallas multa ta’ €55,000 jekk irid jirritorna għal xi rwol fil-futbol. Blatter, li waqaf bħala l-President tal-FIFA f’nofs skandlu ta’ korruzzjoni, għadu qed jiskonta l-projbizzjoni ta’ sitt snin tiegħu li tiskadi f’Ottubru tal-2021.