Lokali Qorti

Il-Maġistrat Nadine Lia tagħżel li ma tismax l-inkjesta fuq il-‘job’ fantażma li ngħata Melvin Theuma

F’digriet li tagħat ‘in camera’ l-Maġistrat Nadine Lia ddeċidiet li ma tismax l-inkjesta dwar il-‘job’ ‘fantażma’ li ngħata lil Melvin Theuma, l-‘middleman’ fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Lia qalet li hija ħadet din id-deċiżjoni biex tassigura li l-ġustizzja “mhux biss issir imma tidher li qed issir.” Lia hija l-mara tat-tifel ta’ Pawlu Lia, l-Avukat tal-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll l-Avukat tal-Partit Laburista u għamel żmien ukoll avukat tal-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Ir-rikuża ntlabet minn Anthony Muscat, li huwa l-eks Kap Eżekuttiv tal-kumpanija li offriet lil Melvin Theuma salarju €1,200 fix-xahar għal impieg fantażma u li allegatament kien l-istess Keith Schembri, eks- Chief of Staff tal-Prim Ministru li għamillu pressjoni biex jimpjegah mal-kumpanija, mingħajr lanqas biss imur għax-xogħol.

Din it-talba kienet iffirmata mill-Avukati John Gauci, Ruth Ellul u Julian Farrugia. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Lia, li diġa’ rrikużat lilha nniffisha fil-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech, ikkwotat każijiet oħra lokali, barranin kif ukoll mill-Qrati tal-Unjoni Ewropea, u li kollha jgħidu li meta jkun hemm raġuni leġittima li titfa’ dubju fuq l-imparzjalità, l-Imħallef jew il-Maġistrat għandu jirrikuża lilu nnifsu.