Internazzjonali

Il-Pakistan: L-eks mexxej, Musharraf, ikkundanat għall-mewt dwar tradiment

Il-Ġeneral, Pervez Musharraf, l-eks mexxej militari tal-Pakistan, spiċċa kkundannat għall-mewt, fl-assenza tiegħu – b’din id-deċiżjoni tittieħed waqt smigħ minn qorti speċjali f’Islamabad.

Il-qorti imponiet il-piena massima għal Musharraf b’konnessjoni ma’ akkuża dwar livell partikulari ta’ tradiment ( kontra l-Istat) li kienet ilha pendenti mill-2013. Il-Ġeneral Musharraf kien ħataf il-poter, fl-1999, waqt kolp ta’ stat militari u b’konsegwenza ta’ dan, serva bħala President tal-Pakistan bejn l-2001 u l-2008.

Musharraf, fil-preżent, jinsab fid-Dubaj wara li, fl-2016, kien ingħata l-permess biex jitlaq minn pajjiżu bil-għan li jingħata trattament mediku.

L-akkuża speċifika hi relatata mas-sospensjoni, fl-2007, tal-Kostituzzjoni tal-Pakistan minn Musharraf u meta l-Ġeneral kien impona tmexxija ta’ emerġenza bħala miżura biex jestendi l-amministrazzjoni tiegħu.

Musharraf hu l-ewwel mexxej militari li qatt kien ipproċessat fil-Pakistan talli warrab għall-Kostituzzjoni. Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Ġeneral kien ħareġ stqarrija biex ifisser il-każ kontra tiegħu bħala ‘mingħajr bażi’.