Ewropa Lokali

Il-Parlament Ewropew iħabbar il-‘Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu Investigattiv’

Il-Bureau tal-Parlament Ewropew, immexxi mill-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli, approva proposta biex jinħoloq premju għall-ġurnaliżmu investigattiv biex jissemma wara l-ġurnalista investigattiva Maltija Daphne Caruana Galizia, li nqatlet fis-16 ta’ Ottubru 2017. Hi kitbet b’mod estensiv dwar korruzzjoni, ħasil tal-flus, kriminalità organizzata, l-bejgħ tal-passaporti u l-Panama Papers b’rabta mal-Gvern Malti. Minħabba xogħlha, hi kienet mhedda.

Tliet individwi kienu ġew arrestati b’rabta ma’ dan il-qtil, iżda l-każ għadu għaddej. Dawk kollha li huma responsabbli minn dan il-qtil għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja, inkluż dawk l-individwi li ordnaw il-qtil.

Fil-15 ta’ Novembru 2017, anqas minn xahar wara li Daphne Caruana Galizia nqatlet, il-Plenarja tal-Parlament Ewropew approvat riżoluzzjoni li sejħet għall-ħolqien ta’ ‘Daphne Caruana Galizia – Premju Ewropew għall-Ġurnaliżmu Investigattiv’. Madanakollu, kien biss ilbieraħ filgħaxija li l-Bureau approva l-proposta biex jinħoloq dan il-premju.

Il-Viċi President tal-Parlament Ewropew Heidi Hautala u l-Kwestur tal-Parlament Ewropew David Casa faħħru l-ħolqien ta’ dan il-Premju, taħt il-patroċinju tal-Parlament Ewropew.

Heidi Hautala u David Casa qalu: “Daphne Caruana Galizia kienet ġurnalista investigattiva tal-prima klassi. Kienet kuraġġjuża u ma kenitx tibża’. Hi nqatlet minħabba xogħlha. Hi ispirazzjoni. Daphne ma tista’ tintnesa’ qatt. Jeżistu ħafna riskji għall-ġurnalisti investigattivi, u dawn dejjem qed jiżdiedu. Irridu nassiguraw li l-ġurnalisti jkunu liberi biex jaħdmu mingħajr theddid. It-tama tagħna hi li dan il-premju jispira ġurnalisti biex ikunu kuraġġjużi, reżiljenti u mingħajr kompromessi biex ifittxu l-verità, kif għamlet Daphne.”

Il-Premju Daphne Caruana Galizia, li qed jitħabbar wara d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li jsemmi l-Press Room ta’ Strasburgu għall-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia, għandu l-għan li jonora ġurnalisti investigattivi għall-ħidma tagħhom, filwaqt li jipromwovi l-libertà tal-midja u l-libertà tal-espressjoni.

Il-Viċi President Hautala qalet: “Illum, l-ispazju għas-soċjetà ċivili u l-libertà tal-espressjoni fl-Ewropa qed jonqos, u aktar ma jgħaddi żmien, aktar qed ikun hemm ġurnalisti u attivisti li qed jibżgħu li jinqatlu. Hemm wisq demokraziji fl-Ewropa li qed ikollhom problemi demokratiċi. Gvernijiet li ħatfu l-istituzzjonijiet li suppost ikunu indipendenti.

Jekk irridu li nreġġgħu lura dak li qed iseħħ, irridu nappoġġjaw il-libertà tal-espressjoni u nipproteġu lil dawk li jiddefenduha. Biex tirnexxi, d-demokrazija trid tkun trasparenti u kontabbli. Nistgħu nindirizzawha biss jekk dawk il-korrotti fil-gvernijiet jinkixfu.

Mingħajr il-kuraġġ ta’ nies bħal Daphne Caruana Galizia, ħafna mill-korruzzjoni ma tkunx irrappurtata. Mingħajr Daphne, ħafna affarijiet ħżiena kienu jgħaddu b’impunità. Hi kienet hemm biex tiddefendi dak li hu tajjeb, kontra dawk fil-poter.”

Il-Kwestur Casa qal: “Fl-aħħar ġimgħat, jien għamilt pressjoni kostanti biex nassigura li dak li l-Parlament ivvota għalih wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, jiġi implimentat. Il-Parlament Ewropew dejjem kien fuq quddiem biex jipproteġi lill-ġurnalisti, u biex jassigura li każijiet ta’ korruzzjoni u ħasil tal-flus li jkunu nkixfu mill-ġurnalisti, jkunu investigati u dawk involuti jitressqu quddiem il-ġustizzja.”

“L-aħħar rivelazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, li jimplikaw l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, huma xokkanti. L-Uffiċċju tal-Prim Ministru mhux biss implikat fil-qtil innifsu, imma f’allegat tfixkil tal-ġustizzja kif ukoll cover-up b’rabta mal-qtil. Dawn huma r-raġunijiet għala l-Prim Ministru għandu jitlaq illum,” insista David Casa.

Bħala Membri tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni tal-Parlament Ewropew, Heidi Hautala u David Casa issa, flimkien ma’ oħrajn, se jkunu responsabbli biex jistabbilixxu r-regoli tal-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu Investigattiv, li imbagħad ikunu approvati mill-Bureau.