Lokali

Isalva mara li kienet qed tifga

Dik li setgħet kienet traġedja, inbidlet fi storja sabiħa ta’ ħajja, grazzi ghal persuna li wettaq att erojku.

Huwa Daniel Portelli dan l-eroj – Food and Beverage Manager f’lukanda ewlenija fil-Mellieha illi kien għaddej bil-ġurnata tax-xogħol tiegħu nhar il-Ħadd li għadda meta fir-ristorant tal-lukanda kien hemm mara li ntilfet minn sensiha.

Kienu ħafna dawk li nġabru madwar il-mara u ppruvaw jgħinuha billi ġabulha s-silġ fost affarijiet oħra, iżda l-mara baqgħet ma’ rreaġixxitx.

Kien l-intervent f’waqtu ta’ Daniel Portelli li nduna li l-mara kienet probabilment fgat f’xi ikel meta wettaq fuqha dik li tissejjah il-Heimlich Manouvre. Fil-pront il-mara neħħiet l-ikel li kien weħlilha u bdiet ġejja f’tagħha bilmod il-mod.

Il-familja tal-mara, f’post fuq Facebook faħħru l-azzjoni pronta ta’ Portelli li salva ħajjet il-mara u rringrazzjatu. Kieku ma kienx hu, qalu fil-post, kieku kienu jkunu qed jiktbu affarijiet ferm differnti.

Fil-post sellmu wkoll il-memorja ta’ Ryan Tonna, il-Pulizija ta’ 36 sena li sfortunatament tilef ħajtu aktar kmieni din il-ġimgħa meta faga fl-ikel waqt li kien l-Italja biex jipparteċipa f’maratona.

Intant, wara l-mewt ta’ Tonna, filmat tal-maratona li saret f’Pisa u li fiha ipparteċipa l-Pulizija Malti, sellem lil istess Tonna bil-messaġġ ‘Goodbye Ryan’.