Lokali

L-eks Imħallef magħżul minn Muscat biex jifli r-rapport Egrant issemma fir-‘recordings’ ta’ Melvin Theuma

L-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi, li kien appuntat minn Joseph Muscat biex jifli r-rapport tal-inkjesta Egrant biex ikun jista’ jiġi ppubblikat b’mod sħiħ, kien issemma fir-‘recordings’ ta’ Melvin Theuma fil-laqgħat li kellu mal-imprenditur Yorgen Fenech.

Is-sit Lovin Malta jirrapporta li fir-recordings, Theuma jinstema jistaqsi lil Fenech, l-allegat mandant tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, jekk jistax ikellem lill-Imħallef Antonio Mizzi jew lill-Prim Ministru biex jgħinu biex forsi jitħaffef il-proċess tal-ħelsien mill-arrest tat-tliet suspettati li attivaw il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia: Vincent Muscat u l-aħwa Alfred u George Degiorgio.

Min-naħa tiegħu Yorgen Fenech jinstema’ jwieġeb fin-negattiv fejn qal li mhux idea tajba li dawn ikunu avviċinati mingħajr ma jitkellmuha mal-eks Chief of Staff Keith Schembri.

Dawn l-iżviluppi waslu hekk kif ilbieraħ, il-Qorti Kostituzzjonali sabet li l-Avukat Ġenerali kiser il-Kostituzzjoni u ordnatu jgħaddi kopja tar-rapport sħiħ dwar il-kumpanija Egrant lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Egrant kienet waħda mit-tliet kumpaniji sigrieti imwaqqfa fil-Panama minn Nexia BT u li kellhom jirċievu mal-€5,000 kuljum mill-kumpanija 17 Black li s-sid tagħha kien Yorgen Fenech.

Iż-żewġ kumpaniji l-oħra, Hearnville u Tillgate, kienu żvelati mill-Panama Papers li kienu tal-eks Ministru Konrad Mizzi u l-eks Chief of Staff ta’ Muscat Keith Schembri.

L-eks Imħallef Mizzi kien irrifjuta t-talba ta’ rekuża mill-eks Kap tal-PN Simon Busuttil meta appell dwar l-inkjesta dwar l-iskandlu Panama Papers kien assenjat lilu. Dan minħabba li l-Imħallef Mizzi hu miżżewweġ lill-eks MEP Marlene Mizzi li kienet ripetutament tgħaddi kummenti ta’ natura politika b’rabta mal-Panama Papers. Dan wassal sabiex Simon Busuttil jiftaħ kawża Kostituzzjonali iżda sakemm kellha tinqata’, l-Imħallef Antonio Mizzi laħaq l-eta’ tal-irtirar.