Sport Sport Ieħor

Matthew Asciak favorit li jerġa’ jirbaħ it-tournament tal-Masters

Ilbieraħ saret it-tnedija uffiċjali tal-BOV Tennis Masters Tournament li se jsir fil-Marsa Sports Club f’dawn il-jiem sat-22 ta’ Diċembru. F’dan l-aħħar kampjonat tas-sena, se jkun hemm il-parteċipazzjoni tal-aqwa tmien plejers Maltin.

Il-plejers se jinqasmu f’żewġ gruppi ta’ erba’ plejers, bl-ewwel żewġ plejers minn kull grupp jikkontestaw is-semifinali, bil-finali ssir il-Ħadd 22 ta’ Diċembru fis-2.30pm.

Sfortunatament ir-rebbieħ tas-sena l-oħra Matthew Cassar Torreggiani mhux se jkun jista’ jiddefendi t-titlu minħabba li jinsab imweġġa’. B’hekk Matthew Asciak li hu rebbieħ ta’ dan it-tournament sitt darbiet, jibda favorit li jerġa’ joħroġ rebbieħ wara li tilef it-tournament tas-sena l-oħra minħabba li kien imweġġa’.

Preżenti għal din il-konferenza stampa kien il-President tal-Malta Tennis Federation David Farrugia Sacco u l-Eżekuttiv tal-PR u Marketing tal-BOV Charles Azzopardi.

Ir-rappreżentant tal-BOV qal li hu ta’ pjaċir li jkun hemm parteċipazzjoni mill-edizzjonijiet passat u plejers żgħażagħ li qed jieħdu sehem fil-kampjonat ta’ din is-sena. Waqt it-tnedija tal-kampjonat, Farrugia Sacco ppreżenta ċertifikati maħruġa lill-parteċipanti għall-attendenza tagħhom f’korsa għall-uffiċjali li sar riċentament mill-Federazzjoni.

Grupp A – Matthew Asciak, Mark Gatt, Liam Delicata, Julian Sammut

Grupp B – Denzil Agius, Omar Sudzuka, Alex Degabriele, Benjamin Farrugia