Lokali Unjoni Ewropea

Miriam Dalli tgħid li l-protesti f’Malta huma paċifiċi

Waqt li bħalissa għaddej id-dibattitu fil-Parlament Ewropew dwar il-kriżi politika li daħħalna fiha l-Gvern, l-MEP Laburista Mariam Dalli irreferiet għad-dimostrazzjonijiet f’Malta bħala “paċifiċi”.

Dan juri biċ-ċar li fil-Parlament Ewropew tal-PL jitkellmu differenti mid-diskors li qed isir f’Malta minn sħabha. Dan għaliex hi qed tghid li l-protesti fit-toroq huma pacifiċi u qatt mhu se toħodha kontra dawk li jagħmlu dimostrazzjonijiet. Anzi, insistiet li tant hemm ordni fil-mod kif qed isiru dawn il-protesti li saħansitra kien hemm sit-in fid-daħla tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Miriam Dalli kienet qed tikkummenta wara li saritilha domanda diretta minn wieħed mill-Ewroparlamentari preżenti. Id-domanda kienet qed tirreferi għal dak li qal id-deputat Robert Abela meta irrimarka li d-dimostrazzjonijiet kienu “provokazzjoni”.

Fl-istess waqt iżda, Miriam Dalli iddefendiet lill-Gvern ta’ Muscat u donnha kienet aktar moħħha biex tfakkar lill-Parlament Ewropew li bħalissa għaddejja l-ġirja għal-leadership tal-Partit Laburista.