Internazzjonali

Renju Unit: Lejn klawsola ġdida biex il-Brexit ma jġebbidx wara l-2020

IL-Gvern Britanniku se jżid klawsola ġdida għall-abbozz dwar il-Brexit bil-għan li jelimina kwalunkwe estensjoni għall-perjodu tat-tranżizzjoni – wara l-ħruġ eventwali tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea — li suppost jikkonkludi fl-aħħar tal-2020.

Il-perjodu tat-tranżizzjoni ‘għal wara l-Brexit’, għalissa, jista’ ikun estiż għal sentejn – u permezz ta’ftehim reċiproku.

Iżda abbozz emendat (f’dan il-każ il-Withdrawal Agreement Bill) li l-Parlament Britanniku mistenni jivvota dwaru din il-ġimgħa għandu ‘jagħlaq il-bieb’ għal kwalunkwe estensjoni.

Il-kritiċi qed jgħidu li dan il-pass iżid il-probabbiltà li r-Renju Unit iħalli l-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim kummerċjali. Madankollu, Michael Gove, Ministru Ewlieni fil-Kabinett tal-Prim Ministru Boris Johnson, insista li r-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea ‘it-tnejn impenjaw ruħhom biex jaċċertaw li l-ftehim jintlaħaq sal-aħħar tal-2020’.

Gove wigħed ukoll li l-Parlament f’Londra se jkun jista’ janalizza ‘b’mod profond’ l-abbozz għall-Withdrawal Agreement – jew il-leġislazzjoni għar-ratifika tal-Brexit.

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Downing Street (Londra) qal li l-Gvern qed jaħseb li jitlob lill-Parlament ġdid biex, nhar il-Ġimgħa, jorganizza l-ewwel dibattitu u vot dwar l-abbozz għall-ħruġ mill-UE.

Dan meta l-Prim Ministru Johnson, bis-saħħa tal-maġġoranza kbira li kiseb wara l-elezzjoni ġenerali tal-Ħamis, mistenni jgħaddi l-abbozz bħala liġi li tippermetti li r-Renju Unit jispiċċa minn membru tal-UE fil-31 ta’ Jannar li ġej.