Lokali

REUTERS: Yorgen Fenech irċieva €1.5 miljun mill-kont ta’ 17 Black f’Dubai

Iċ-ċekkijiet għadhom ma ssarfux...u għad jistgħu jitwaqqfu

L-imprenditur akkużat li kien wieħed mill-imħuħ wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, irċieva miljun u nofs Ewro mill-kont li kellu f’Dubai marbut mal-kumpanija 17 Black.

Il-bank Noor f’Dubai għalaq il-kontijiet ta’ Yorgen Fenech aktar kmieni din is-sena.

Uffiċjali tal-bank f’Dubai qalu lil Reuters li l-bank Noor kien għadda żewġ ċekkijiet ta’ aktar minn 6 miljun Dirhams jew €1.5 miljun meta għalqet kontijiet f’isem 17 Black,

L-Aġent Kap tal-United Arab Emirates Financial Intelligence Unit – l-ekwivalenti tal-FIAU ta’ pajjiżna, qal li l-bank kien iddeċieda li jrodd lura l-flus lil Fenech għaliex kien meqjus bħala klijent ‘high risk’. Dan seħħ f’April ta’ din is-sena, ftit xhur wara li sar magħruf li Fenech kien is-sid ta’ 17 Black.

Il-Bank Noor irrifjuta li jwieġeb mistoqsijijet ta’ Reuters dwar dan il-każ.

Skont Reuters dawn iż-żewġ ċekkijiet, għadhom ma ġewx depożitati.

Ritratt: TIMES OF MALTA – Wieħed miċ-ċekkijiet li rċieva Yorgen Fenech

Dawn iż-żewġ ċekkijiet huma prova li torbtu mal-kumpanija 17 Black.

Ali Faisal Ba’Alawi, kelliema għall-FIU tal-Emirati, qal li l-flus ġew irrilaxxati lil Fenech għaliex ma kienx hemm ordni ta’ ffriżar tal-assi mill-ebda awtorità, inkluż mill-awtoritajiet Maltin. L-istess Ba’Alawi qal li jekk ikun hemm talba, dawn il-flus għad jistgħu jiġu mwaqqfa.

Hu wera kopji ta’ dawn iċ-ċekkijiet lil Reuters, b’uffiċjal ieħor tal-bank ukoll jikkonferma li huma awtentiċi.