Internazzjonali

Vatikan: Tispiċċa r-regola tas-segretezza pontifikali

Il-Papa Franġisku introduċa bidliet sinfikanti għall-mod kif il-Knisja Kattolika se titratta l-każi ta’ abbuż sesswali ta’ minorenni – u fejn elimina r-regola għal segretezza pontifikali.

Id-dokumenti ġodda li ressaq il-Papa jneħħu l-obbligu tas-silenzju għall-persuni li jirrappurtaw dwar dan l-abbuż inkella li jiżvelaw li huma, xi darba, kienu vittmi.

Il-Kapijiet tal-Knisja  kienu ħeġġew biex ir-regola għal segretezza pontifikali tispiċċa xolta waqt summit tal-Vatikan li kien organizzat fi Frar li għadda.

Sadanittant, il-Papa Franġisku qal li l-informazzjoni relatata ma’ każi ta’ abbuż għandha xorta waħda tkun trattata ‘fis-sigurtà kif ukoll bl-integrità u rispett għall-kunfidenzjalità’.

Hu, intant, ta struzzjonijeit lill-uffiċjali tal-Vatikan biex jikkooperaw mal-liġijiet ċivili filwaqt li jżommu l-aspett tal-kunfidenzjalità huma u jgħinu lill-awtoritajiet ġudizzjarji ċivili biex jinvestigaw dawn il-każi.

Il-Papa, fl-istess ħin, biddel id-definizzjoni tal-Vatikan rigward il-pornografija tat-tfal. Dan meta l-età suġġetta għall-każi partikulari qed tiżdied minn 14 il-sena jew iżgħar għal tmintax (u iżgħar) .