Sport Sport Ieħor

Bernard Sammut jikseb rebħa oħra fl-Enduro

(Ritratt: Mario Micallef)
Il-Ħadd li ġej issir id-Demolition Derby

Il-Ħadd li għadda, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi organizzat it-tieni attività mill-Kampjonat Nazzjonali Wotomoto Enduro fil-Barriera tal-Fawwara.

Fi Klassi A, Bernard Sammut fuq Beta 300c kiseb b’rebħa oħra b’ħin ta’ ħames minuti 4.57 sekondi segwit minn James Zahra u Matthew Gauci t-tnejn fuq Sherco 300c. Melvin Borg fuq Sherco rebaħ Klassi B b’ħin ta’ seba’ minuti u 2.48 sekondi segwit minn Aiden Cilia la Corte fuq Husqvarna u Michael von Brockdorff fuq Beta.

Fi Klassi Ċ rebaħ Jamie Vassallo fuq KTM 150cc b’ħin ta’ sitt minuti u 55.53 sekondi segwit minn Mario Gatt fuq Honda 250cc. Julian Scicluna fuq Beta 300cc rebaħ Klassi D fuq Beta 300cc f’seba’ minuti u 43.45 sekonda segwit minn Antoine Muscat fuq KTM 85cc.

L-attività li jmiss minn dan il-kampjonat issir fid-19 ta’ Jannar 2020 fil-Barriera tal-Ballut fil-limiti tan-Naxxar, liema attività tibda fl-10.00am. Il-Ħadd 5 ta’ Jannar fil-kumpless tal-ASMK f’Ta’ Qali jitkompla l-kampjonat Motocross.

46 kompetitur jirreġistra għad-Demolition Derby

Intant il-Ħadd li ġej, l-ASMK se torganizza l-attività speċjali tad-Demolition Derby li ssir kull sena fi żmien il-Milied. Bħal dak li ġara fl-aħħar snin, l-attività ssir biex jinġabru fondi għall-Istrina.

F’din is-26 edizzjoni, id-Demolition Derby tibda fit-3.00pm. Dan wara li fl-10.00am issir it-tielet attività mill-Kampjonat Pasta Poiatti tal-Autocross.

Għalkemm mhux qed tkun faċli biex jinxtraw karozzi qodma għal dan l-avveniment, 46 kompetitur irreġistraw għal din l-edizzjoni, b’sittax minnhom huma ġodda. Għal din ir-raġuni hi diffiċli biex wieħed ibassar min se jkun ir-rebbieħ.

Għalkemm il-ħbit tal-karozzi hi l-attrazzjoni prinċipali, is-sewwieqa għandhom regoli ta’ sigurtà speċjali li jridu jiġu osservati biex titħares is-saħħa tas-sewwieqa kollha. Dan filwaqt li l-ASMK tieħu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa.

Aktar informazzjoni tinstab fis-sit elettroniku tal-assoċjazzjoni www.asmk.org.mt, fil-paġna ta’ facebook Assoċjazzjoni Sport Muturi u karozzi, b’email fuq info@asmk.org.mt jew b’kuntatt fuq 99425489.

Tags