Lokali

Bormliż ta’ 66 sena fil-periklu tal-mewt

Raġel ta’ 66 sena residenti Bormla, qiegħed isofri minn ġrieħi serji wara li kien involut f’inċident tat-traffiku f’Bormla stess.

L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tas-sitta u nofs nieqes ħamsa fi Triq San Ġwann T’Għuxa fejn ir-raġel safa’ milqut minn vettura ta’ tip Ford Fiesta misjuqa minn raġel ta’ 63 sena mill-Fgura.

Immedjatament fuq il-post, issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza li ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard huwa ġie ċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.

Il-Maġistrat tal-Għassa Nadine Lia ġiet infurmata u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta. L-investigazzjonijiet dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.