Lokali

”48 siegħa wara li ġie kkundannat mill-Qorti, l-Avukat Ġenerali għadu ma rriżenjax” – Adrian Delia

Qed nistenna li l-Grupp Parlamentari Laburista jiddikjaraw li se jkunu qegħdin jieħdu l-passi kollha biex jitkecca minnufih l-Avukat Ġenerali

24 siegħa wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ppubblika r-rapport sħiħ ta’ Egrant, issa l-poplu qed jifhem aktar ix-xibka ta’ korruzzjoni li nibtet sitt snin u nofs ilu.

Waqt messaġġ fuq Net Television, Adrian Delia nnota li r-rapport jikxef ħafna aktar minn dik il-parti tal-konklużjonijiet li kienu ppubblikati b’mod selettiv mill-Gvern Laburista.

“Illum nafu li kien hemm attività korrotta oħra li kellha tiġi investigata mill-Pulizija fuq Keith Schembri l-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, l-eks Ministru Konrad Mizzi, l-accountants ta’ Nexia BT u oħrajn li jaħdmu f’Kastilja,” iddikjara Adrian Delia.

Il-ħidma tiegħu wasslet biex, tmintax il-xahar wara, ingħata r-raġun quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, li sabet li nkisru d-drittijiet fundamentali tiegħu u l-poplu sar jaf b’mod konkret dwar il-korruzzjoni li kienet magħrufa mill-Prim Ministru, mill-Avukat Ġenerali u minn tant oħrajn.

Joseph Muscat, Ministri tiegħu u l-Avukat Ġenerali kienu jafu b’dan ir-rapport u żammewh mistur. “Ir-rapport ‘EGRANT INC’ imur ħafna lil hin mill-kumpanijia Egrant biss u jikxef kobba ġdida ta’ kriminalità u korruzzjoni min-nies fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja u dawn l-istess nies imsemmija f’dawn l-każijiet.”

L-Avukat Ġenerali, li għandu kariga Kostituzzjonali, instab ħati li kiser l-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea, kiser id-drittijiet fundamentali tal-Kap tal-Oppożizzjoni li hu wkoll jokkupa kariga Kostituzzjonali, filwaqt li serva ta’ paraventu biex jgħatti x-xibka ta’ korruzjoni li nibtet u kibret fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja.

” Minnufih l-Avukat Ġenerali għandu jirrezzenja minn din il-kariga u, jekk ma jirriżenjax hu, qed nistenna li l-Grupp Parlamentari Laburista, mod partikolari l-kontestanti għall-kariga ta’ Prim Ministru, jiddikjaraw li huma se jkunu qegħdin jieħdu l-passi kollha neċessarji sabiex jitkecca minnufih l-Avukat Ġenerali mill-kariga tiegħu.”

Fl-istess waqt Adrian Delia ddikjara li l-Grupp Parlamentari Laburista hu mmexxi minn Prim Ministru li ma baqgħalu l-ebda awtorità morali biex imexxi pajjiżna, tant li fil-Parlament Ewropew anke s-Soċjalisti kkundannaw lill-aktar Gvern korrott f’pajjiżna.