Gowl tas-sostitut Roberto Firmino wassal biex Liverpool se jilagħbu l-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-klabbs kontra Flamengo s-Sibt li ġej. Il-Brażiljan kien ilu jilgħab madwar ħames minuti u skorja l-gowl rebbieħ fil-91 minuta biex qatel it-tamiet tat-tim Messikan Monterrey f’rebħa ta’ 2-1.
Għal dan il-konfront, il-manager ta’ Liverpool Jurgen Klopp ma kienx bl-aħjar skwadra, iżda l-formazzjoni inizjali żgur li kienet aktar b’saħħitha mit-tim żagħżugħ li Liverpool lagħbu kontra Aston Villa fil-League Cup it-Tlieta filgħaxija. Klopp ma bediex bil-plejers regolari Virgil van Dijk, Trent Alexander-Arnold, Sadio Mane u Roberto Firmino, bil-midfielders Fabinho u Georginio Wijnaldum jinsabu mweġġgħin.
Liverpool fetħu l-iskor wara 11-il minuta b’passaġġ intelliġenti fl-ispazju ta’ Mohamed Salah lejn Naby Keita li minn qagħda ideali għeleb lil Marcelo Barovero. Iżda Monterrey ġabu d-draw tliet minuti wara meta d-difiża ta’ Liverpool naqset li tbiegħed il-ballun mill-kaxxa, Alisson salva parzjalment ix-xutt ta’ Dorlan Pabon, bil-ballun jispiċċa għand Rogelio Funes Mori li skorja mir-rebound.
Il-gowl tar-rebħa wasal nofs minuta tal-ħin miżjud fit-tieni taqsima meta wara azzjoni ta’ Salah, il-ballun spiċċa għand is-sostitut Trent Alexander-Arnold li bi kross fil-baxx mil-lemin sab lil Firmino li kompla l-ballun għal ġewwa. Liverpool se jkunu qed ifittxu li jirbħu l-kompetizzjoni għall-ewwel darba u fl-istess ħin itejbu r-rekord kontra oppożizzjoni minn timijiet barra mill-Ewropa. Dan minħabba li huma tilfu tlieta mill-erba’ logħbiet kontra Flamengo fl-1981, Independiente fl-1984 u Sao Paulo fl-2005.
//= $special ?>