Lokali

AĠĠORNATA: Fatti ġodda li juru kif Keith Schembri kien jaf b’kollox

Ftit qabel Yorgen Fenech ġie arrestat, Keith Schembri għamel nofs siegħa jitkellem miegħu.

Qabel Yorgen Fenech gie arrestat, Keith Schembri għamel nofs siegħa jitkellem miegħu. Lejliet li Fenech kien ser jitlaq minn Malta biex skont hu “isewwi d-dgħajsa”, Keith Schembri qallu “jidhirlek li ha tagħmel sew kif qed jiżvilluppaw l-affarijiet?” Sa dakinhar isem Yorgen Fenech ma kienx ħareġ imkien.

Dan meta fil-Qorti ħareġ ċar li Keith Schembri kien jaf sew fejn waslet l-investigazzjoni – kien hu illi kellem lill-Pulizija biex jagħtu go-ahead biex jiġu l-FBI u jinvestigaw l-assassinju ta’ Caruana Galizia; kien hu illi kien jitkellem direttament b’Whatsapp mal-Ispettur Arnaud.

Keith Schembri kkonferma wkoll li hu ħabib ta’ Yorgen Fenech. Kienu jsiefru flimkien. Kienu jitkellmu b’Whatsapp. U saħansitra kien imur fuq il-jott ta’ Yorgen Fenech.

Dan kollu ħareġ mill-Qorti hekk kif illum kompliet il-Kawża Kostituzzjonali li fetaħ l-imprenditur Yorgen Fenech fil-konfront tal-Ispettur Keith Arnaud.

Schembri xehed illi waqt tfittxijiet li saru f’Kastilja u fil-villa tiegħu ġew elevati xi karti u apparat elettroniku. Qal ukoll li ma kellu l-ebda rwol fis-Servizzi Sigrieti.

Fil-Qorti, Schembri insista li qatt ma qal xejn lil Yorgen Fenech.

Fit-testimonjanza tiegħu, l-eks Chief of Staff ta’ Muscat ikkonferma l-laqgħa li kellu f’Kastilja ma’ dak li hu kkunsidrat bħala l-middleman fl-assassinju – Melvin Theuma. U spjega kif Theuma kien talbu job.

“10% tal-persuni li jiġu Kastilja għal job kont nieħu ħsiebhom jien”, qal Schembri. U hawn semma’ kif ma’ Melvin Theuma ħa kafe’ u ritratt.

Melvin Theuma

Ir-Rapport Egrant li ppubblika b’mod sħiħ il-Kap tal-PN Adrian Delia lbieraħ diġa’ jidher li se jkun kruċjali f’dan il-proċess, bl-avukati ta’ Fenech jistaqsu lil Schembri għaliex ħassu imweġġa’ bil-kitba ta’ Caruana Galizia. L-avukat Marion Camilleri kienet qed tirreferi propju għal dak li ħareġ mill-Inkjesta tal-kumpanija sigrieta Egrant.

Dwar Keith Arnaud, Schembri qal li ma kienx jafu qabel – sempliċiment kien ikollhom dak li sejjaħ ‘small talk’ fuq futbol. “Qatt ma kilna l-kirxa flimkien”, sostna Keith Schembri.

Hu jgħid li ma kellux x’jaqsam mal-job li ingħatat il-mara ta’ Keith Arnaud.

Għal domanda diretta, Keith Schembri jgħid li ma kellux x’jaqsam mal-attentat ta’ ħarba ta’ Yorgen Fenech bil-jott. Jinsisti li ma kienx jaf li l-mobile ta’ Fenech kien qed jiġi ittepjat.

Dalgħodu kompliet il-Kawża Kostituzzjonali li fetaħ Yorgen Fenech fil-konfront tal-Ispettur Keith Arnaud. Fenech qed ikun akkużat b’kompliċita’ fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fis-seduta tal-lum qed jixhed l-eks Chief of Staff Keith Schembri, li wasal il-Qorti għall-ħabta tal-10:30am.

Ritratt: Matthew Tabone