Lokali

Keith Schembri qed ikun investigat dwar ir-rabta ma’ Brian Tonna u Adrian Hillman

Il-Pulizija għadha qed tinvestiga r-relazzjoni li l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri għandu ma’ Brian Tonna, is-sid ta’ Nexia BT u l-accountants tal-Prim Ministru li kienu joperaw minn Kastilja.

Dan joħroġ minn stqarrija li l-Pulizija kienu sfurzati joħorġu wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ppubblika r-rapport shih tal-Inkjesta Egrant, li Gvern Laburista kien ilu jaħbi għal sentejn.

Grazzi għall-pubblikazzjoni tar-Rapport, ħarġu diversi fatti li l-Gvern kien ħeba u ma pproduċiex fil-konklużjonijiet illi ghazel li jippubblika.

Fost l-ohrajn ħareġ li Karl Cini, sieħeb ta’ Brian Tonna f’Nexia BT, kien joħloq dokumenti li taparsi ħarġu minn Mossack Fonseka; iżda dawn kienu falsifikati.

Il-Pulizija ħabbret ukoll li għadha qed tinvestiga anke r-relazzjoni bejn Keith Schembri u Adrian Hillman. Dokumenti wrew li Hillman kellu kumpanniji sigrieti fil-British Virgin Islands, simili għal dawk stabbiliti fil-Panama minn Brian Tonna ta’ Nexia BT.

Eventwalment ġew żvelati allegazzjonijiet dwar transazzjonijiet ta’ madwar €650,000 li għaddew bejn il-kontijiet bankarji sigrieti ta’ Adrian Hillman u dawk assoċjati ma’ Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Mindu ssemma’ fil-Panama Papers, il-Gvern Laburista daħħal lil Hillman jaħdem mal-Awtorità Maltija tal-Logħob b’paga ta’ €48,000 fis-sena mill-fondi pubbliċi.

Fl-istqarrija tagħha, il-Pulizija ddikjarat ukoll li għadhom għaddejjin ukoll l-investigazzjonijiet fil-konfront tal-Bank Pilatus, il-kumpanija 17 Black u r-relazzjoni ma’ Hearnville u Tillgate ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi. Iżda minkejja dan kollu, 18-il xahar wara… s’issa kull wieħed minn dawn għadu jgawdi l-libertà.

U waqt li ż-żewġ kandidati għat-tmexxija tal-Partit Laburista ddikjaraw li se jneħħu lill-Kummissarju tal-Pulizija malli jiksbu l-poter, il-Ministru Michael Farrugia għadu jfarfar milli jieħu deċiżjoni.