Lokali Unjoni Ewropea

Kważi 85% tal-Parlament Ewropew japprova riżoluzzjoni li ssejjaħ għar-riżenja mmedjata ta’ Muscat

581 Membru tal-Parlament Ewropew, minn total ta’ 690 li vvutaw, approvaw riżoluzzjoni dwar is-saltna tad-dritt f’Malta.

Din ir-riżoluzzjoni tressqet wara l-iskandli li ħakmu lill-Gvern ta’ Joseph Muscat, b’dan tal-aħħar ikollu jirriżenja iżda se jibqa’ jokkupa s-siġġu tal-poter sa nofs Jannar.

Fil-Parlament Ewropew kienu biss 26 li vvutaw kontra, waqt li 83 oħra astjenew. Dan ifisser li saħansitra anke s-Soċjalisti Ewropej, li tagħhom il-Partit Laburista Malti hu membru, ivvutaw favur.

Ir-riżoluzzjoni li ġeit approvata tqajjem diversi tħassib dwar it-tmexxija ta’ pajjiżna, fosthom dwar il-mod kif tmexxew l-investigazzjonijiet. Tinnota wkoll tħassib serju li għadu jippersisti dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalita organizzata f’Malta.

Jitqajjem ukoll tħassib dwar il-liberta tal-midja f’Malta, il-korruzzjoni u ħasil ta’ flus, il-bejgħ taċ-ċittadinanza f’Malta u r-Riforma Kostituzzjonali li ilha mwegħda li ssir.