Internazzjonali

L-aktar jum jisreġ fl-Awstralja kemm ilhom jinżammu r-rekords

L-Awstralja, sa fl-aħħar, għaddiet mill-aktar ġurnata ddominata bis-sħana fż-żmien kollu li ilhom jinżammu r-rekords. Dan meta l-ġurnata tallum ipproduċiet temperaturi ta’ sħana ‘estensiva’ – ikkalkulati mal-40.9 Celsius — bħala l-medja fuq bażi nazzjonali.

It-temperaturi, intant, qabżu r-rekord preċedenti ta’ 40.3 Celsius (fl-Awstralja) li kien intlaħaq fis-7 ta’ Jannar tal-2013.

Ir-rekord ġdid intlaħaq meta l-Awstralja qed tikkumbatti perjodu ta’ nixfa kbira, flimkien ma’ kriżi tan-nirien qalb territorju aħrax li ilha għaddejja għall-ġimgħat u li qed thedded il-ħajja —  u l-proprjetà – f’diversi reġjuni tal-pajjiż.

Qabel ‘dan il-jum tar-rekords’, it-tbassir meteoroliġiku kien irrefera għal ‘mewġa ta’ sħana inkredibbli li mistennija tolqot il-pajjiż aktar tard fil-ġimgħa’.

L-impressjoni minn dan il-messaġġ hi li r-rekord ġdid tas-sħana kapaċi jerġa’ jinkiser sa tmiem il-ġimgħa.

Intant, fil-bidu tal-ġimgħa, kienu nkisru numru ta’ rekords tas-sħana għal numru ta’ bliet Awstraljani. Fil-fatt, il-belt ta’ Perth, il-kapitali tal-Istat ta’ Western Australia, irreġistrat tlett ijiem konsekuttivi ta’ sħana fejn it-temperaturi qabżu l-40 gradi Celsius – u li hu rekord għax-xahar ta’ Diċembru.

U waqt li l-Awstralja qed tiffaċċja mijiet ta’ nirien, il-Prim Ministru Awstraljan, Scott Morrison, qed ikollu jilqa’ għall-kritika ‘dwar ir-reazzjoni tiegħu rigward id-diżastri naturali’ kif ukoll dwar il-politika tal-Gvern tiegħu relatata għall-klima.

Dan meta s-sħana kontinwa fl-Awstralja qed tixpruna b’mod regolari l-kundizzjonijiet għal diżastri naturali  (bħall-bushfires, għargħar u perjodi ta’ nixfa) għal livelli aktar gravi.