Lokali

L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali għandha żżomm ‘il bogħod minn proċessi interni tal-Partiti Politiċi

Ir-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista fi ħdan l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali jiddisassoċjaw ruħhom mill-istqarrija għall-Istampa li ħarget mill-istess Assoċjazzjoni f’dawn l-aħħar ġranet mingħajr il-kunsens tagħhom. Samuel Azzopardi, Graziella Galea, Michael Fenech Adami u Anton Mifsud isostnu li huma la kienu kkonsultati u wisq inqas approvaw sabiex l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali toħrog stqarrija fejn faħħret lil Chris Fearne għal dak li ssejjaħ impenn favur il-Kunsill Lokali.

Huma sostnew li fiċ-ċirkostanzi ta’ bħalissa fejn hemm tellieqa għall-ħatra ta’ mexxej ġdid fi ħdan il-Partit Laburista huwa assolutament imprudenti li jinħarġu stqarrijiet ta’ dan it-tip mill-AKL.

Ir-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista fi ħdan l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali qalu li l-Assoċjazzjoni bħala korp kostitwit bil-liġi u li jħaddan fih kunsillieri lokali li ġejjin minn diversi partiti politiċi għandha tħares lejn dan il-proċess mill-bogħod b’rispett sħiħ lejn il-kunsillieri li tirrappreżenta. Bl-istqarrija tagħha, l-Assoċjazzjoni qed tidher f’dawl ikraħ għaliex qed tingħata l-impressjoni li hemm individwu jew individwi li qed jużaw il-karru tal-istess Assoċjazzjoni sabiex jagħtu vantaġġ u/jew jimbuttaw xi kandidat f’din it-tellieqa a skapitu tal-kontestant l-ieħor.

Ma jkunx ta’ ġid u lanqas ma huwa fl-interess tal-Assoċjazzjoni li tidher li qegħda direttament jew indirettament tindaħal f’dan il-proċess suppost demokratiku.

L-erba rappreżentanti tal-PN għalhekk qed jesiġu mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali sabiex tħalli dan il-proċess jitmexxa mill-Partit Laburista u ma tidħolx f’din it-tellieqa politika għaliex is-serjetà u l-integrità titlob li l-interessi tal-istess Assoċjazzjoni jkunu ‘l fuq minn kull kawża interna ta’ partit politiku.