Internazzjonali

L-Eġittu akkużat b’ħabi tal-omiċidju ta’ student Taljan

Il-prosekuturi fl-Italja akkużaw lill-uffiċjali fl-Eġittu b’li pruvaw imexxu ħażin ‘dolożament’ l-investigazzjoni dwar il-qtil (fl-Eġittu) ta’ student Taljan, li kien jismu Giulio Regeni.

Regeni, student postgraduate mal-Università ta’Cambridge, kien qed jaħdem fuq riċerka għad-dottorat tiegħu fil-belt tal-Kajr meta sparixxa f’Jannar tal-2016. Il-katavru tal-istudent kien instab disat ijiem wara.

Il-prosekuturi Taljani, intant, qalu li l-istqarrijiet mill-Eġittu dwar il-mewt ta’ Regeni jew spiċċaw miċħuda mir-riżultati ta’ awtopsja fl-Italja, inkella kienu ‘żvelati bħala foloz’

Il-Prosekutur, Sergio Colaiocco, tkellem fuq l-iżviluppi tal-każ ta’ Regeni meta indirizza l-ewwel sessjoni ta’ kummissjoni parlamentari li twaqqfet biex tindaga jekk l-istudent setax spiċċa  ‘taħt l-iskrutinju’ tal-qawwiet tas-sigurtà fl-Eġittu qabel mewtu.

Dan meta magħruf li l-istudent ta’ 28 sena kien qed jistħarreġ dwar it-trade unions indipendenti li, fl-Eġittu, jinvolvu suġġett kontroversjali minn aspett politiku.