Futbol Sport

L-ewwel El Clasico mingħajr gowls mill-2002 u t-tnejn jibqgħu fil-quċċata

(Ritratt: EPA)

Barcelona u Real Madrid spiċċaw fi draw ta’ 0-0 fil-Camp Nou f’dak li kien l-ewwel El Clasico mingħajr gowls fi 17-il logħba. Din il-logħba kellha tintlagħab seba’ ġimgħat ilu iżda kienet posposta minħabba l-inkwiet li jeżisti fil-Katalunja bħalissa. Għajr it-tmien karti sofor li ntwerew fil-logħba, il-logħba qatt ma kellha xi tensjoni partikolari.

Dan ir-riżultat iħalli liż-żewġ timijiet fil-quċċata b’36 punt minn 17-il logħba. Il-kowċ ta’ Barcelona Ernesto Valverde għamel bidla, b’Nelson Semedo jibda flok Sergio Busquets. Zinedine Zidane għamel tliet bidliet għal Real Madrid, b’Gareth Bale, Ferland Mendy u Casemiro jibdew flok Rodrygo, Nacho u Luka Modric.

Jordi Alba kien fejn ipoġġi lil Barcelona minn fuq qabel tmiem l-ewwel taqsima filwaqt li fit-tieni taqsima, il-VAR ċaħħdet lil Gareth Bale minħabba li fl-azzjoni, Ferland Mendy kien f’pożizzjoni ta’ offside.