Lokali

“Yorgen Fenech qalli – Keith Schembri dejjem jgħaddili l-informazzjoni” – Melvin Theuma

“Għal aktar minn darba Yorgen Fenech kien jgħidli li l-informazzjoni kollha fuq il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia kien jgħaddielu Keith Schembri. Kien jgħidlu li huma ħbieb ħafna, tant li ‘Keith Schembri jidħol fin-nar għalih u għamel il-biċċa xogħol li għamel minħabba fih.’

Dan ħareġ meta Melvin Theuma, il-‘middleman’ u l-persuna li ngħata l-proklama dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kien it-tieni xhud fil-kawża li Yorgen Fenech qed jagħmel biex l-Ispettur Keith Arnaud jitneħħa mill-investigazzjoni tal-ka.

Melvin Theuma beda biex jgħid li huwa kien għadda xi ‘recordings’ lil Yorgen u lill-Pulizija. Qal li fihom ma jissemmiex Keith Arnaud. Tenna li hu u Fenech kienu jsiefru flimkien u mbagħad kien impjegah bit-taxi l-Hilton. Sostna li kien qallu biex imur ikellem lil George Degiorgio, iċ-Ċiniż, u dan għax Yorgen kien iqabbdu jagħmel ħafna affarijiet.

Theuma qal ukoll li Fenech kien jgħaddilu ħafna informazzjoni u li wara l-qtil kien qallu li l-Pulizija kienu saru jafu bil-messaġġ tal-bomba, iżda ma jiftakarx eżatt meta qalu b’dan kollu, anke jekk jemmen li kien għall-ħabta ta’ Novembru, qabel l-arrest.

Theuma qal li Yorghen kien tah struzzjonijiet biex imur jgħid lit-tliet irġiel akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia u jinfurmahom ukoll dwar ir-rejd. Huwa kkonferma li l-informazzjoni li kien jagħtih Fenech ma kinitx tiġi rrapportata fil-midja.

Theuma qal li jiftakar li kien bagħat għalih Fenech u qallu li Vince Muscat kien qed jikxef. Qal li beda jixrob u tefa’ l-mobajl u meta xegħlu sab messaġġi mingħand Yorgen Fenech u kien wieġbu li huma ħbieb sew u għalhekk ma kienx jixraqlu dan it-ttrattament.

Qal ukoll li kellu ħafna pressjoni biex Degiorgio jieħu l-pleġġ. Qal li Kenneth Camilleri kien ċempel lil xi ħadd u wara kien infurmah li kien se jingħata l-pleġġ u miljun ewro kull wieħed f’basket, u meta informa b’dan kollu lil Fenech, dan kien wieġbu lura li mhux se jerfa’ dan il-piż kollu, u meta ċempel biex jiċċekkja, mir-‘recordings’ joħroġ li Schembri bagħat lil Kenneth Camilleri jagħmel dan.

Dwar il-‘job’ li ngħata, Theuma qal li kien ċempillu Yorgen Fenech u qallu li kien se jċempillu Sandro Craus, għax għandu appuntament Kastilja l-għada. Qal li qatt ma għamel xi talba partikolari għal xi mpieg, għax hu kellu ‘job’ tajjeb ta’ ‘taxi driver’. Żied jgħid li meta staqsa lil Fenech għala kien se jċempillu Craus, Fenech kien qallu int aqta’ aqta’.

Spjega li kien ċempillu Craus u kien qallu biex imur Kastilja l-għada u kien iltaqa’ ma’ Schembri li dan kien dawru ma’ Kastilja u għamillu espresso. Ix-xhud qal li Craus ħadielhom ritratt u mbagħad mar il-Ministeru ta’ quddiem it-teatru l-imwaqqa’.

Theuma qal li kien informa lil Tony Muscat jew lil Craus, għax ma kienx qed jiftakar eżatt lil min li ma għandux ċans għal dan l-impjieg, minħabba li diġa’ kien imħabbat biżżejjed bix-xogħol li kellu. Madankollu xorta spiċċa biex mar ‘jobplus’ u għamlulu ‘interview’ qasir.

Sostna wkoll qatt ma mar għal dan ix-xogħol. Theuma qal li meta beda jirċievi ċ-ċekk qal li kien staqsa lil Yorgen Fenech għala qed jirċevih, u Fenech wieġbu, ‘mhux aħjar paga żejda’.