Futbol Sport

Minamino mistenni jingħaqad ma’ Liverpool fil-bidu ta’ Jannar

(Ritratt: EPA)

Liverpool se jkunu qed isaħħu l-iskwadra tagħhom f’Jannar hekk kif il-plejer Takumi Minamino mistenni l-eżami mediku bi preparazzjoni biex jissieħeb magħhom mingħand Red Bull Salzburg f’Jannar. Il-ġimgħa l-oħra, il-leaders tal-Premier League bdew in-negozjati biex jiffirmaw il-plejer ta’ 24 sena u mistenni jħabbru uffiċjalment il-plejer fl-1 ta’ Jannar. Dan hekk kif il-plejer għandu klawsola ta’ €8.5 miljun.

Il-Ġappuniż ħalla impressjoni tajba kontra Liverpool fiż-żewġ logħbiet fil-UEFA Champions League. Id-Direttur Sportic ta’ Red Bull Salzburg Christoph Freund qal il-ġimgħa l-oħra li kien ta’ unur għalih li ċ-champions Ewropej jinsabu interessati fil-plejers tagħhom. Minamino skorjaw seba’ gowls fil-kompetizzjonijiet kollha għat-tim Awstrijak, hekk kif spiċċaw it-tielet fil-fażi tal-gruppi u b’hekk se jkomplu l-avventura Ewropea fl-Europa League.

Il-klabb Ingliż insista li l-ftehim għal Minamino mhux għal raġunijiet kummerċjali iżda bbażat fuq il-kwalità tal-plejer għat-tim ta’ Klopp. Minamino kien ingħaqad ma’ Red Bull Salzburg mingħand il-klabb Ġappuniż Cerezo Osaka għal madwar €1 miljun fl-2015.