Iċ-champions Qormi Daikin għalqu s-sena fil-quċċata tal-klassifika meta kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva biex jinsabu tliet punti fuq Floriana Young Stars. Fl-ewwel żewġ logħbiet huma kisbu rebħiet faċli kontra Rabat u White Hart iżda l-logħba tal-Ħadd li għadda kienet totalment differenti. Ir-rebħa ta’ 3-2 kontra r-rivali Gree Hotsticks waslet b’gowl fl-aħħar minuti.
Il-Qriema kellhom bidu tajjeb u marru fil-vantaġġ fl-ewwel kwarta permezz ta’ Clayton Gatt. Keith Bajada rdoppja l-vantaġġ fit-tieni kwarta. Hotsticks irkupraw u l-ewwel naqqsu d-distakk permezz ta’ Julian Zahra biex komplew jagħfsu u ġabu d-draw mill-captain Shaun Grima wara azzjoni ta’ penalty korner. Kien Keith Bajada li skorja l-gowl rebbieħ lejn it-tmiem, f’logħba kkontrollata minn Shawn Mifsud u Shane Lovett.
Fit-tieni logħba, White Hart kisbu l-ewwel punt tal-istaġun meta żammew fi draw ta’ 1-1 lil Floriana Young Stars. Dan kien riżultat importanti għalihom hekk kif fl-istaġun li għadda ma kienu kisbu l-ebda punt. Glen Bonello poġġa lil Floriana fil-vantaġġ fit-tielet kwarta iżda Keith Scicluna ġab id-draw minn penalty fl-aħħar kwarta. Keith Calleja u John Williams ikkontrollaw il-logħba.
//= $special ?>