Internazzjonali

Renju Unit: Blair jikkundanna lil Corbyn għad-disfatta Laburista

L-eks Prim Ministru u Kap Laburista, Tony Blair, ikkritika bl-aħrax lill-Mexxej attwali tal-partit, Jeremy Corbyn, wara li l-Laburisti sofrew l-akbar umiljazzjoni elettorali mill-1935. Blair, li kien qed jagħmel diskors f’Londra, akkuża lil Corbyn dwar ‘indeċiżjoni fuq livell komiku’ u insista li l-Partit Laburista seta’ żamm ħafna mill-appoġġ li kellu fl-eks fortizzi li kieku kellu ‘tmexxija differenti’.

Tony Blair ma żammx lura milli jixli lil Corbyn dwar atteġġjament ‘li niżel ħażin maż-żewġ naħat ( favur u kontra) tad-dibattitu dwar il-Brexit’. Fl-istess ħin, skont Blair, is-sistwazzjoni tal-Laburisti Britanniċi saret ‘impossibbli’ wara li l-partit fl-Oppożizzjoni naqas milli jiffissa pożizzjoni ċara fil-kwistjoni.

Il-Partit Laburista daħal għall-elezzjoni ġenerali ta’ dan ix-xahar bl-aġenda li joħroġ il-pajjiż mill-Unjoni Ewropea iżda, imbagħad, biddel il-politika tiegħu b’messaġġ li ‘kien favur referendum ieħor dwar l-isħubija’ Waqt il-kampanja elettorali, Corbyn qal li ried jinnegozja mill-ġdid ftehim għall-Brexit mal-UE bil-ħsieb li jgħaddi r-riżultat għal vot tal-pubbliku – u fejn kellha tibqa’ l-għażla biex ir-Renju Unit ikompli fi ħdan l-Unjoni.

Blair, intant, tenna li r-riżultat elettorali għandu jħammar wiċċ il-Laburisti filwaqt li sostna li dan il-partit ‘iddiżappunta lill-pajjiż kollu’. Għalkemm Blair ilu kritiku tal-orjentament tal-Laburisti lejn ix-xellug ( taħt Corbyn), l-osservaturi politiċi jemmnu li hu, b’dan l-intervent, kien qed jipprova jiftaħ dibattitu ġenwin wara d-disfatta Laburista.

Jeremy Corbyn, fil-bidu tal-ġimgħa, qal li qed ‘jieħu responsabbiltà’ għall-agħar wirja elettorali tal-Partit Laburista fl-istorja moderna u kkonferma li se jwarrab mit-tmexxija tal-partit ‘kmieni s-sena d-dieħla’. Intant, il-kollegi Laburisti kritikawh f’wiċċu, bl-eks deputat, Mary Creagh tgħid li ‘in-nuqqas ta’ apoloġija personali minn Corbyn wera li hu bniedem mingħajr unur jew sens ta’ mistħija’.

Intant, Emily Thornberry saret l-ewwel deputat li uffiċjalment ippreżentat ruħha biex tieħu post Corbyn bħala Kap Laburista. F’artiklu li kitbet għal The Guardian, Thornberry insistiet li hi, jekk tingħata dan ir-rwol, ‘tkun kapaċi li tagħmel kapitali politiku mill-fallimenti tal-Prim Ministru ( u Kap Konservattiv) Boris Johnson.’