Internazzjonali

Stati Uniti: Lejn vot storiku għall-impeachment ta’ Donald Trump

Donald Trump mistenni jsir it-tielet President fl-istorja tal-Istati Uniti li qatt spiċċa faċċjat bi proċess ta’ impeachment. Dan meta fis-sigħat li jmiss għandu jsir vot storiku fil-Kamra tar-Rappeżentanti ta’ Washington.

Id-deputati Demokratiċi f’din il-Kamra huma lesti biex japprovaw żewġ akkużi għall-impeachment tal-President. L-ewwel akkuża tinvolvi abbuż ta’ poter, fejn qed jingħad li Trump ipprova jwettaq pressjoni fuq l-Ukrajna bil-għan li din turi ‘f’dawl negattiv’ lil Joe Biden, li qed jikkuntesta għan-nomina tal-Partit Demokratiku biex jisfida lil Trump fl-elezzjoni tas-sena d-dieħla għall-Presidenza tal-Istati Uniti.

Donald Trump u l-alleati konservattivi tiegħu allegaw, mingħajr ma produċew il-provi, li Joe Biden, fi żmienu bħala Viċi-President Amerikan, kien ħeġġeġ lill-Ukrajna biex tkeċċi lill-prosekutur ewlieni biex ma jinvestigax kumpannija tal-gass Ukrena li kienet qed timpjega lil ibnu, Hunter Biden, bħala membru tal-bord. Ingħad li Donald Trump uża l-prospett ta’ għajnuna militari lill-Ukrajna ‘bl-iskop li jħajjar dan il-pajjiż biex iħabbar inkjesta dwar korruzzjoni fir-rigward ta’ Joe Biden u ibnu.’

It-tieni akkuża kontra Trump hi li hu ostakola lill-Kungress Amerikan. Dan wara li Trump waqqaf lill-uffiċjali qrib tiegħu milli jixhdu fil-każ u fejn qed ikun akkużat b’li naqas milli jikkoopera mal-investigazzjoni tal-Kamra relatata mal-proċess għall-impeachment.

Mistenni li Donald Trump, ix-xahar id-dieħel, jispiċċa suġġett għal proċess fis-Senat iżda din il-kamra hi kontrollata mill-membri tal-Partit Repubblikan u mhux mistenni li, hemmhekk, jittieħed vot għat-tneħħija tiegħu minn President. Min-naħa tiegħu, Trump fisser il-proċess kontra tiegħu bħala ‘attentat għal kolp ta’ stat’ u ‘inizjattiva diżonesta’.

Taħt il-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti, il-President għandu jitneħħa mill-poter f’sitwazzjonijiet ta’ impeachment u kundanna dwar tradiment, tixħim jew reati oħra fuq dan il-livell’ – bl-impeachment jinvolvi proċess politiku u mhux legali.