Lokali

”Trid issir ġustizzja kif ukoll bidla nazzjonali” – MNPN

Il-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN) juri t-tħassib tiegħu għal dak kollu li qiegħed jiġri f’pajjiżna, li jinsab għaddej minn sitwazzjoni bla preċedent u ħadd ma jista’ jagħlaq għajnejh bħallikieku mhu qed jiġri xejn ta’ importanza nazzjonali. Bil-każijiet ta’ korruzzjoni li ġab miegħu l-Gvern ta’ Joseph Muscat, l-meritokrazija ntremiet, id-demokrazija f’pajjiżna tinsab mhedda u b’theddida li ssir il-ġustizzja.

Dan kollu qed iwassal biex pajjiżna jinsab għaddej minn żmien li qatt ma għadda minnu, fejn inqatlet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia għax kienet qed toħroġ il-verità.

L-MNPN qed jisħaq li trid issir il-ġustizzja kif ukoll bidla nazzjonali u jemmen li l-Partit Nazzjonalista jinsab fuq in-naħa t-tajba tal-istorja. Partit Nazzjonalista fil-Gvern dejjem ħadem għall-ġid tal-poplu kollu. Għalhekk, il-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista jinsab kburi li l-Kap tal-PN Adrian Delia rebaħ il-kawża kontra l-Avukat Ġenerali u ngħata kopja sħiħa tar-rapport dwar Egrant, kif ukoll li l-partit ressaq id-dokument Riforma u Tiġdid waqt il-Kunsill Ġenerali, dokument bi 15-il proposta li bihom nerġgħu nibgaħtu messaġġ lill-poplu Malti, li l-PN jista’ joħroġ lil pajjiżna minn dawn iż-żminijiet diffiċli.

Dan huwa ż-żmien fejn kulħadd għandu jgħid li Malta hija kull wieħed u waħda minna u naraw x’nistgħu nagħtu lil pajjiżna. L-għajta tal-Partit labourista, Malta Tagħna lkoll, ma fissret xejn ħlief li bil-korruzzjoni gawdew il-ftit u sar assassinju biex min għalihom li se jgħattu kollox.