Żewġ gowls sbieħ ta’ Paulo Dybala u Cristiano Ronaldo taw rebħa importanti lil Juventus li għelbu lil Sampdoria 2-1 fi Stadio Marassi. B’din ir-rebħa, huma jinsabu tliet punti vantaġġ fil-quċċata u jistennew il-konfront ta’ Inter is-Sibt li ġej. Juventus fetħu l-iskor wara 19-il minuta bi kross fit-tul ta’ Alex Sandro jsib lil PAULO DYBALA li b’konklużjoni fil-baxx u mill-ewwel minn tarf il-kaxxa għeleb lil Emil Audero.
Sampdoria ġabu d-draw fil-35 minuta meta minn żball difensiv ta’ Alex Sandro, id-difiża ta’ Juventus naqset li tbiegħed il-periklu. Il-ballun spiċċa fid-direzzjoni ta’ GIANLUCA CAPRARI li b’xutt b’saħħtu mill-kaxxa għeleb lil Gianluigi Buffon. Iżda l-Bianconeri daħlu jistrieħu 2-1 minn fuq bi kross ieħor ta’ Alex Sandro jsib lil CRISTIANO RONALDO li għola aktar minn żewġ metri u nofs biex għeleb lil Audero.
Sassuolo telgħu aktar lejn nofs il-klassifika b’rebħa ta’ 2-0 fi Stadio Rigamonti kontra Brescia. B’hekk waqqfet is-sensiela ta’ żewġ rebħiet konsekuttivi tat-tim immexxi minn Eugenio Corini.
HAMED JUNIOR TRAORE fetaħ l-iskor wara 25 minuta meta rċieva fuq il-lemin mingħand Domenico Berardi u b’xutt fil-baxx fuq l-ewwel lasta għeleb lil Enrico Alfonso. Sassuolo rduppjaw fil-71 minuta meta Rogerio tefa’ kross fil-baxx lejn FRANCESCO CAPUTO li kkontrolla u b’xutt fil-baxx bid-dawra għeleb lil Alfonso bl-għajnuna tal-lasta l-wieqfa.
//= $special ?>