Lokali

Appell lill-President biex jeżerċita l-poteri li ttih il-kostituzzjoni – Adrian Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia appella lill-President tar-Repubblika biex jeżerċita l-poteri li ttih il-kostituzzjoni.

Iktar kmieni llum ġejna nfurmati minn evidenza li ingħatat fil-qrati tagħna li, Keith Schembri, dak li kien iċ-Chief of Staff tal-uffiċċju tal-Prim Ministru, qed jiġi investigat fl-assissinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

F’messaġġ li xxandar live, Adrian Delia qal li dan ifisser li l-uffiċċju tal-Prim Ministru qiegħed taħt investigazzjoni għal assassinju. Jekk hemm, fl-estremitajiet kollha ta’ dak li tfisser demokrazija normali, din hija l-aktar ħaġa intollerabbli li tista’ teżisti f’pajjiz demokratiku u ġġib magħha l-obbligi kollha politiċi.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni ddikjara li l-Prim Ministru jrid jitlaq illum.

Adrian Delia qal li dan ifisser ukoll li kull min għandu resposabbiltà jrid jerfaha.

L-artiklu 85 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta jagħti saħħa li l-President tar-Repubblika, mhux biss taħt iċ-ċirkostanzi partikolari jaħtar il-Prim Ministru ta’ pajjiż, imma ukoll ineħħi billi jinstiga lproċess li jista’ jwassal għal daqstant.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista talab biex dawn l-artikli tal-kostituzzjoni li jagħmlu referenza ukoll għall-artikli 80 u 81 (sub-artiklu 1) tal-kostituzzjoni ta’ Malta jiġu invokati u affetwati.

Hu qal li dan jeħtieġ biss, mhux l-aġir tal-President tar-Repubblika imma wkoll li d-Deputat Prim Ministru ta’ pajjiżna u l-Membri Parlamentari tal-Gvern jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom.

Inutli jkollna lil dawk li għada pitgħada jridu jew qed jittentaw li jkunu fil pożizzjoni ta’ Prim Ministru ta’ pajjiżna jgħidu x’se jagħmlu, jgħidu li huma favur is-saltna tad-dritt, jgħidu li ser jerfgħu huma r-reponsabbiltà politika, saħaq Adrian Delia.

Il-mument huwa issa u il-ħtieġa hija immedjata. Iridu jerfgħu r-responsabbiltà issa u jgħamlu dak li l-pajjiż għandu bżonn u qed jitlob minnhom.

Fil-messaġġ tiegħu, Adrian Delia qal li ma jistax ikollna, sal-bieraħ stess 84% tal-Parlament Ewropew li jgħidu li l-pożizzjoni tal-Prim Ministru ta’ pajjiżna m’għadhiex iktar tennibbli. Hu fakkar li dan ġara mingħajr ma kienu jafu b’dak li ġie żvelat illum, li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru hu investigat għal assassinju.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dan hu mument delikat, partikolari f’pajjiżna. Mument li jeħtieġ li kulħadd jerfa’ rresposabbilta’ tiegħu b’għaqal imma b’impenn favur il-ħalfa li ħa favur il-kostituzzjoni ta’ pajjiżna, favur il-Maltin u l-Għawdxin, favur l-aqwa ġid ta’ pajjiżna biss.

Irridu nintrefgħu mill-ħtiġijiet u l-bżonnijiet politiċi u partiġjani u nagħmlu f’dan il-mument biss dak li hu ta’ ġid għal Malta tagħna, temm jgħid Adrian Delia.