Futbol Sport

Bernard Vassallo b’impenn internazzjonali fi Spanja llum

Ir-referee internazzjonali tal-basketball Bernard Vassallo se jerġa’ jkun impenjat din il-ġimgħa fix-xena internazzjonali b’logħba fi Spanja. Illum, Vassallo se jikkontrolla l-partita mit-tmien ġurnata minn Grupp B tal-FIBA Euro League tan-nisa li se tintlagħab fil-Pavillon Fontojau f’Girona.

Il-logħba hi bejn l-ospitanti u champions Spanjoli Uni Spar Girona u t-tim b’saħħtu u champions tat-Turkija Fenerbahce. Din hi l-ewwel ġurnata ta’ logħob mit-tieni rawnd. Fl-ewwel logħba, Fenerbahce kienu għelbu lil Girona 86-82 f’logħba li ntlagħbet f’Istanbul.

Fil-preżent, Fenerbahce jinsabu fil-quċċata tal-grupp li jinvolvi tmien timijiet. Huma għandhom ħames rebħiet filwaqt li Girona jinsabu fit-tielet post bi tliet rebħiet. Vassallo se jkun ir-referee prinċipali u se jkun assistit mill-uffiċjali Juozas Barkauskas tal-Litwanja u Milan Spanic tas-Slovenja.