Internazzjonali

Donald Trump isir it-tielet President fl-istorja Amerikana li jista’ jitneħħa mill-poter

Il-President Donald Trump

IL-KAMRA TAR-RAPPREŻENTANTI TIVVOTA FAVUR L-‘IMPEACHMENT’ TA’ DONALD TRUMP FUQ ŻEWĠ KAPI TA’ AKKUŻA

IL-PASS LI JMISS HU “ĠURI” QUDDIEM IS-SENAT AMERIKAN LI JIDDEĊIEDI JEKK GĦANDUX JITNEĦĦA MILL-KARIGA

Donald Trump isir it-tielet President fl-istorja politika Amerikana li jispiċċa ‘impeached’ mill-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti. L-‘Impeachment’ huwa proċess li bih iż-żewġ kmamar tal-Kungress Amerikan jista’ jneħħi lill-President mill-poter.

Il-proċess beda fuq żewġ kapi ta’ akkuża; li Trump abbuża mill-kariga ta’ President għall-gwadann politiku personali u li ostakola l-Kungress Amerikan fil-ħidma tiegħu. It-tnejn li huma b’rabta mal-pressjoni li għamel fuq l-Ukrajna biex tiftaħ investigazzjoni fuq Joe Biden, rival politiku tiegħu, permezz ta’ wegħda ta’ assistenza ekonomika u militari.

Il-votazzjoni kienet waħda fuq linji partiġġjani bid-demokratiċi kollha jivvotaw favur u r-repubblikani jivvotaw kontra l-impeachment , biż-żewġ votazzjonijiet ikunu 230-197 u 229-198 favur it-tneħħija ta’ Trump.

Issa, il-pass li jmiss hu “ġuri” quddiem is-Senat Amerikan, fejn il-probabbilta’ kbira hi li Trump jinħeles. Dan għaliex ir-Repubblikani għandhom maġġoranza fis-Senat u jidher ferm diffiċli li tinkiseb maġġoranza ta’ żewġ terzi meħtieġa mill-Kostituzzjoni Amerikana sabiex jitneħħa l-President.

L-aħħar President li ffaċċja din il-proċedura kien Bill Clinton fl-1998 u qablu Andrew Johnson, iktar minn 150 sena ilu fl-1868. F’dawn iż-żewġ każi, il-Presidenti ma nstabux ħatja mis-senat u komplew it-terminu tagħhom.

Filwaqt li prattikament kulħadd hu ċert li Trump se jkun meħlus mis-Senat, analisti politiċi huma maqsuma dwar x’effett se jkollu dan il-proċess fuq il-popolarita’ tiegħu.

Hemm min qed isostni li l-impeachment hu daqqa serja għaċ-ċansijiet tiegħu li jirbaħ terminu ieħor is-sena d-dieħla, filwaqt li oħrajn qed isostnu l-oppost; li dan il-proċess se jimmobilizza iktar lis-sostenituri ta’ Trump u jagħti rankatura lill-kampanja tiegħu fl-2020.