Lokali

Fejn tinsab il-USB ta’ Egrant?

Ikomplu joħorġu dettalji ġodda mir-Rapport Egrant li sar pubbliku wara d-deċiżjoni importanti li ħa l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, bl-appoġġ tal-Grupp Parlamentari. Dan hekk kif mill-istess Rapport joħroġ ċar kif l-esperti mqabbda mill-Imħallef Aaron Bugeja, dak iż-żmien Maġistrat, sabu li kien hemm file bl-isem “Egrant” illi kien f’subfolder f’hard disk – aktarx USB stick – li kienet imqabbda ma’ laptop. Dan il-file qatt ma nstab, u għalhekk l-esperti ma jistgħux jikkonkludu x’kien fih.

B’hekk, issa qed ikomplu jikbru d-domandi dwar fejn tinsab din id-drive jew USB stick. Fi kliem sempliċi, issa nafu li jeżisti file li fih informazzjoni dwar il-kumpanija Egrant. Iżda dan il-file la nafu fejn qiegħed u lanqas nafu x’fih, kif joħroġ ċar mir-Rapport tal-Inkjesta.

Wieħed jiftakar ukoll illi f’email li kien bagħat il-Panama lil Mossack Fonseca, Karl Cini ta’ Nexia BT kien qalilhom li dwar is-sid tal-kumpanija Egrant ma kienx ser jagħtihom informazzjoni bil-miktub. L-informazzjoni fil-fatt ingħatat bi Skype (telefonata bl-internet).