Lokali

Forum ġdid b’għan li jgħaqqad is-setturi tan-negozju u d-diżabilità

Twaqqaf il-Malta Business Disability Forum, l-ewwel wieħed tal-ġeneru tiegħu f’pajjiżna bl-għan li jibni rabtiet aktar mill-qrib bejn is-setturi tad-diżabilità u n-negozju, billi joħloq pjattaforma għal diskussjoni u jtejjeb id-djalogu bejn persuni b’diżabilità u organizzazzjonijiet tan-negozju.

Immexxi mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD), twaqqaf uffiċjalment permezz tal-iffirmar ta’ Memorandum of Understanding bejn id-disa’ membri tiegħu.

Minbarra s-CRPD, bħala fundaturi hemm il-Malta Chamber of Commerce, Enterprise and Industry; il-Malta Employers’ Association u l-GRTU – Malta Chamber of SMEs. Ma’ dawn ingħaqdu wkoll l-MFOPD – Malta Federation Organization of Persons with Disability; il-Fakultà għall-Benesseri Soċjali; l-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali; il-Kamra tan-Negozju ta’ Għawdex u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.

Il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna saħaq li dan kollu sar sabiex tinħoloq vuċi aktar soda w unifikata sabiex twassal għal azzjoni konkreta.

Mal-Kummissjoni hemm reġistrati aktar minn 19,000 persuna b’diżabilità madankollu, ingħad li baqa’ ħafna ostakli fejn tidħol aċċessibilità u impjieg għal persuni b’diżabilità.

Flimkien, l-entitajiet li jiffurmaw parti mill-Forum ser ikunu qed jaħdmu sabiex jimmassimizzaw l-aċċessibilità għal persuni b’diżabilità fl-isferi tan-negozju u x-xogħol. Jaħdmu wkoll biex jgħinu biex titnaqqas id-differenza bejn in-negozju u l-persuni b’diżabilità u jippromwovu l-aċċessibilità fl-għoti tas-servizz filwaqt li jissaħħu l-aspirazzjonijiet għal karriera u l-impjieg ta’ persuni b’diżabilità.