Lokali

Il-Kamra tal-Psikologi tikkundanna d-deċizjoni ta’ Identity Malta

Il-Kamra tal-Psikologi kkundannat id-deċizjoni ta’ Identity Malta li ċċaħħad lil 22 tifel u tifla minn permess ta’ residenza f’pajjiżna.

Ħafna minn dawn it-tfal, li huma ulied familji ġejjin minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea, ilhom jgħixu f’pajjiżna l-biċċa l-kbira ta’ ħajjithom. L-istqarrija tal-psikologi tgħid li l-ġenituri ta’ dawn it-tfal għamlu sforżi kbar biex jistabilixxu l-familji tagħhom b’xi tip ta’ normalità sabiex joffru ħajja aħjar għal uliedhom.

Id-deċizjoni ta’ Identity Malta, tkompli tgħid l-istqarrija, tpoġġi f’riskju serju d-drittijiet tat-tfal kif ukoll dawk tal-familji tagħhom. Li dawn it-tfal jinqalgħu mill-istabilità li għandhom tkun ta’ detriment għas-saħħa mentali tal-familja kollha, l-aktar tat-tfal.

Aktar minn hekk, wieġed irid jikkosidra l-ħsara li ssir jekk dawn it-tfal jiġu sseparati minn mal-familji tagħhom. Il-ħsara li ssir meta tfal jiġu mċaħħda mill-ġenituri tagħhom ilna nafuha.

L-istqarrija tal-Kamra ttemm b’appell biex bħala komunità nagħmlu kull ma nistgħu biex dawn il-familji jibqgħu magħqudin f’pajjiżna.

Ikkummenta